Il-poplu f’Iżrael qed jiċċelebra r-ritorn lura pajjiżu tal-ewwel tlettax-il ostaġġ minn fost iċ-ċivili li nħatfu mill-grupp Ħamas meta t-terroristi, fis-7 ta’ Ottubru, kienu wettqu l-attakki storiċi fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Dan kollu sar possibbli grazzi għall-ftehim li ntlaħaq bejn Iżrael u l-Ħamas bil-medjazzjoni tal-Qatar u meta l-Iżraeljani meħlusa huma parti minn grupp ta’ eks ostaġġi li jinkludi għaxar Tajlandiżi u persuna mill-Filippini.
Madankollu, għad fadal l-għexieren tal-ostaġġi Iżraeljani f’idejn il-Ħamas u li jingħad li qed jinżammu qalb il-mini ta’ taħt l-art ta’ Gaza.
Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-ostaġġi Iżraeljani twasslu minn Gaza lejn l-Eġittu permezz tal-aċċess ta’ Rafah. Mistenni wkoll li jinħelsu aktar għexieren ta’ ostaġġi matul il-jiem li ġejjin waqt pawża fil-ġlied li għandha ddum għal erbat ijiem.
Il-ftehim jesiġi anki biex jinħelsu mal-150 priġuniera Palestinjani – fosthom nisa – li qed jinżammu fil-ħabsijiet ta’ Iżrael.
Sadanittant, il-pawża permettiet anki għal spinta fl-inizjattivi ta’ fejda għaċ-ċittadini ta’ Gaza li ilhom il-ġimgħat iġarrbu l-impatt tal-gwerra ma’ Iżrael. Fil-fatt, għexieren ta’ trakkijiet bil-kunsinni tal-ikel, mediċina u provvisti oħra qegħdin jaqsmu lejn Gaza mill-Eġittu.
Fl-istess ħin, it-tankijiet tal-gwerra u l-vetturi armati tal-Iżraeljani qed jirtiraw mill-fruntiera li tmiss mat-Tramuntana ta’ Gaza. Il-filmati tal-irtirar kienu ċirkulati mill-aġenziji tal-aħbarijiet u fejn is-suldati Iżraeljani dehru jagħmlu l-ġesti ta’ trijonf huma u jxejjru l-bnadar ta’ Iżrael.
Intant, ma kienx eskluż li l-movimenti tal-militar Iżraeljan, fil-fatt, jistgħu huma parti minn ‘sistema ta’ rotazzjoni’ aktar milli rtirar uffiċjali. Dan meta l-Ogħla Tmexxija tal-Armata Iżraeljana kompliet tinsisti li Gaza kienet u se tibqa’ meqjusa (minn Iżrael) bħala zona tal-gwerra.
//= $special ?>