Internazzjonali

L-Irlanda: Tensjoni u ansjetà f’Dublin wara l-akbar dagħdigħa ta’ vjolenza

Il-belt ta’ Dublin qed tistejqer mill-agħar vjolenza fil-kapitali Irlandiża għal għexieren ta’ snin — bil-Gvern qed jinsisti għal spjegazzjonijiet fost il-wiegħda li d-delinkwenti u elementi kriminali jridu jħallsu għal għemilhom skont il-liġi.

Il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar qal li l-inċidenti koroh tal-Ħamis bil-lejl mhumiex indikattivi tas-soċjetà Irlandiża, bil-pulizija twettaq l-għexieren tal-arresti waqt l-irvellijiet li nfirxu għal diversi kwartieri tal-kapitali.

L-inkwiet f’Dublin seħħ dritt wara li erba’ persuni spiċċaw aggrediti u feruti b’daqqiet ta’ sikkina. Sar magħruf, fl-aħħar sigħat,li t-tobba kienu qed joperaw b’urġenza fuq tifla ta’ ħames snin li spiċċat vittma tal-attakk, bil-feruti l-oħrajn ikunu żewġt itfal ta’ ħames u sitt snin, flimkien ma’ mara ta’ madwar 30 sena.

L-uffiċjali tal-Pulizija f’Dublin qalu, intant, li ma kienu qed ifittxu għal ħadd ħlief għal raġel li mifhum li aggredixxa lit-tfal u lill-mara. L-ogħla uffiċjali f’Dublin mhuma jeskludu l-ebda mottiv wara l-attakk iżda għad ma hemm l-ebda provi konkreti li l-aggrediment seta’ kellu xi skop terroristiku.

Il-Prim Ministru Varadkar sostna, waqt diskors, li l-inċidenti ta’ għajb fil-kapitali ‘bir-raġun qed iqanqlu sens ta’ stmerrija fost l-Irlandiżi li jirrispettaw il-liġi u bwon ordni’. Hu kompla li r-reati ta’ matul il-lejl tal-Ħamis kienu bażati fuq ‘sens ta’ mibgħeda u mhux ta’ patrijottiżmu’

Sadanittant, il-Pulizija f’Dublin qalu li l-iskala tal-vjolenza tal-Ħamis ma kellha kważi l-ebda preċedent, bil-folol tad-delinkwenti anki jagħtu n-nar lill-istabbilimenti u numru ta’ karozzi.

Numru ta’ ċittadini u persuni spiċċaw feruti fost il-vjolenza tal-Ħamis xprunata mill-folol f’Dublin…Vjolenza li l-Kummissarju tal-Pulizija Irlandiża qed iwaħħal fil- gruppi ta’ hooligans li jħaddnu ideoloġija estremista tal-lemin.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Varadkar ammetta li qed jinkwieta dwar il-potenzjal ta’ vjolenza ġdida fil-kapitali iżda ħareġ ukoll bl-assikurazzjonijiet li l-pulizija fil-kapitali tinsab ippreparata għal kull eventwalità.

Varadkar, fl-istess ħin, wassal messaġġ lill-barranin residenti fl-Irlanda li l-poplu in-ġenerali hu kontra kull forma ta’ vjolenza u li l-inċidenti tal-Ħamis ma jirriflettux il-veru karattru tal-Irlandiżi.

Il-Prim Ministru anki appella biex in-nies jibqgħu jiffrekwentaw iz-zoni ċentrali ta’ Dublin u ma jħallux lilhom infushom jispiċċaw intimidati mill-elementi vjolenti li huma f’minoranza assoluta. Dan ukoll meta l-preżenza tal-pulizija mistennija tiżdied sew f’Dublin matul il-jem li ġejjin.