L-MUT laqqgħet lill-membri tagħha sabiex tagħti direzzjoni qabel l-istrajk ta’ nhar it-Tnejn li ġej – strajk li se jolqot l-iskejjel kollha tal-Gvern, u anke dawk tal-Knisja.
Il-Union tal-Għalliema tat aġġornament għas-27 ta’ Novembru fejn reġgħu spjegaw eżatt għalfejn dan l-istrajk qed isir bħala parti mill-azzjonijiet industrijali filwaqt li gwidawhom x’għandhom jagħmlu bħala membri tal-Union nhar it-Tnejn li ġej.
L-istrajk issejjaħ għal dawn il-gradi kollha impjegati mal-iskejjel tal-Istat u mal-iskejjel tal-Knisja: KGEs, EOs, HODs, teachers, LSEs, AHs, HOS, trainers, MAV Centre administrators, LSC coordinators u l-gradi tekniċi, strajk li japplika kemm għal dawk li jaħdmu fi skejjel u anke dawk li le.
Jekk wieħed huwa fi grad ta’ supply, NQT, NRT, waqt training jew waqt probation, ukoll huwa imsejjaħ biex jistrajkja, bl-MUT se tkun qed tipproteġihom ukoll. U anke dawk li mhux membri tal-MUT jistgħu jsegwu dawn id-direttivi u jkunu protetti mill-MUT.
Fakkru wkoll li kif imħabbar diġà mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, min ser jistrajkja mhux ser jitħallas ta’ dak il-jum. l-MUT qalet li din hi prassi stabbilità u hu fatt magħruf li dak li jinkiseb minn strajk ikun ferm akbar mill-ġurnata paga li tintilef.
Permezz tal-klawżola li kull impjegat jista’ jitqabbad jagħmel xogħol skont l-esiġenzi tas-servizz, int ser tagħmel dak kollu li ser jiġi mitlub minnek, inkluż li terfa’ rresponsabbiltà tal-iskola u l-istudenti għal ġurnata sħiħa.
U l-MUT qalet li meta wieħed jirfes il-bieb tal-iskola jfisser li wieħed daħal għax-xogħol u ma strajkjajtx. Huma żiedu li jekk wieħed se jidħol għax-xogħol u ma jagħmilx dak li ser ikun mitlub minnu dakinhar minn min ser imexxi, se jkun qed isegwi l-istrajk (magħruf bħala sit-in strike) bħal dawk li ma daħlux għax-xogħol.
Matul l-istrajk wieħed hu mistenni li ma jagħmel xejn marbut max-xogħol, inklużi telefonati, emails etċ.
Wara t-tħabbira li l-Gvern mhux lest li jiddiskuti jekk jibqgħu l-azzjonijiet, l-MUT qalet li hu diffiċli li jkun hemm xi żviluppi fis-sigħat li ġejjin, però jekk ikun hemm, il-membri kollha se jiġu nfurmati immedjatament.
Dan filwaqt li żiedu jgħidu li għadu wisq kmieni biex jgħidu x’se jiġri qabel, waqt u wara l-istrajk.
Intant, peress li il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li dakinhar mhux se jkun hemm trasport tal-iskejjel, il-UHM Voice of the Workers qed twissi li mhix se tkun qed taċċetta li tittieħed xi forma ta’ dixxiplina fil-konfront tal-ġenituri li jaslu tard ix-xogħol jew ikollhom jitilqu kmieni.
//= $special ?>