Lokali

L-NGO’s jipproponu li tiġi ppromulgata projbizzjoni fuq it-tipjip u t-tħawwil tal-kannabis fid-djar

“Fid-dawl tal-impatti negattivi ppruvati fuq is-saħħa tat-tipjip u barra minn hekk il-limitazjoni tal-użu tiegħu minn żgħażagħ ġodda hija pass kuraġġuż”

Dan kien il-kliem ta’ ħafna organizzazzjonijiet bħal Anti-Poverty Forum, OASI Foundation, Alleanza Kontra il-Faqar, u Catholic Schools Association fost oħrajn. Dawn saħqu kif f’dan id-dawl, huma ingħaqdu mal-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta biex intennu t-tħassib tagħhom dwar il-kannabis – sustanza legali oħra, li hija wkoll ta’ ħsara u hija dejjem aktar aċċessibbli għat-tfal u ż-żgħażagħ. Wara l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-kannabis fl-2021, qed josservaw numru dejjem jikber ta’ tfal li qed jagħmlu użu mill-kannabis, anke fil-miftuħ qrib l-iskejjel. Dawn it-tfal isostnu li ma jaraw l-ebda ħsara fl-użu tal-kannabis ladarba din tkun ġiet legalizzata, għalkemm ir-riċerka qiegħda kontinwament tesponi fatti ġodda dwar il-ħsarat li joriġinaw mill-użu tal-kannabis.

L-isforz biex titjieb is-saħħa tal-ġenerazzjonijiet iżgħar tagħna huwa nifs ta’ arja friska, partikolarment fil-kuntest ta’ soċjetà fejn l-avvanz ekonomiku tal-ftit ħafna drabi jingħata preċedenza fuq il-ġid komuni. Huma qedin jipproponu wkoll projbizzjoni fuq il-bejgħ tas-sigaretti elettroniċi mis-supermarkets u stationaries kollha.

Filwaqt li jissottolinjaw l-inizjattiva pożittiva li jiġu pprojbiti s-sigaretti għaż-żgħażagħ, jappellaw lill-pubbliku ġenerali, u speċjalment lill-ġenituri, biex jappoġġjaw kull tip ta’ inizjattiva li ssaħħaħ is-saħħa fiżika, psikoloġika u mentali ta’ uliedna, b’mod partikolari inizjattivi u attivitajiet li jmexxu ż-żgħażagħ tagħna. ġenerazzjonijiet ‘il bogħod minn kwalunkwe abbuż ta’ sustanzi u vizzji.