Il-Partit liberali VVD taċ-ċentru-lemin – li kien l-akbar entità fil-Gvern Olandiż preċedenti – ċaħad għal rwol futur fil-Kabinett il-ġdid tal-Olanda wara r-rebħa sorpriża ta’ Geert Wilders, populista u anti-Iżlamiku, fl-elezzjoni ġenerali ta’ nofs il-ġimgħa.
Il-Kap tal-VVD, Dilan Yesilgoz, qalet li l-partit tagħha jeħtieġ li jsegwi rwol differenti wara li tilef għaxar siġġijiet fl-elezzjoni, b’din id-deċiżjoni titqies bħala daqqa ta’ ħarta għat-tamiet ta’ Wilders li jifforma koalizzjoni ta’ maġġoranza. Dan ukoll meta l-mexxejja politiċi fl-Olanda qed jiltaqgħu biex jikkunsidraw il-passi li jmiss lejn koalizzjoni li għandha tiggverna lill-pajjiż għas-snin li ġejjin.
Il-Partit estremista PVV immexxi minn Wilders rebaħ 37 siġġu fl-elezzjoni u li huma ħafna aktar milli kiseb kwalunkwe partit ieħor. U minkejja t-tħassib dwar il-policies futuri ta’ Wilders, l-iskala tar-rebħa żiedet il-pressjoni fuq il-partiti taċ-ċentru u taċ-ċentru-lemin biex jgħinu lejn il-formazzjoni ta’ Gvern , b’Geert Wilders bħala Prim Ministru.
Il-proċess lejn koalizzjoni ġdida x’aktarx li jdum għaddej ix-xhur u dan qed jibbaża fuq it-taħditiet mal-partiti kollha relevanti. U wara li l-VVD spiċċa t-tielet fil-vot nazzjonali, Dilan Yesilgoz ħabbret li mhix se tkun parti mill-Gvern li jmiss ‘għaliex il-votanti Olandiżi taw sinjal ċar ta’ dak li jridu’.
Sadanittant, hi ammettiet li l-PVV hu r-rebbieħ assolut tal-elezzjoni waqt li wiegħdet li l-VVD mhux se jkun ta’ xkiel għall-koalizzjoni ġdida. Madankollu, Geert Wilders, mingħajr il-liberali, se jsibha diffiċli biex jaċċerta mis-76 siġġu meħtieġa għal maġġoranza fil-Parlament Olandiż.
//= $special ?>