Lokali

L-uċuh tar-raba’ jissaqqew minn xita qliel wara xhur ta’ nixfa; għada qed nistennew riefnu

Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku, is-sigħat li ġejjin se joffru riħ qawwi li kapaċi jlaħħaq forza 8 – qawwa ta’ riefnu li se tniżżel f’daqqa it-temperaturi għal 12-il grad.

Matul din il-ġimgħa, pajjiżna diġa’ esperjenza l-ewwel xita għal dan l-istaġun, bl-uċuh tar-raba’ jieħdu r-ruh hekk kif issaqqew mix-xita li għamlet wara xhur sħaħ ta’ nixfa li s-sajf Malti ġab miegħu.

Fil-fatt, iz-zoni rurali huma xi ftit jew wisq iktar ħodor minn qabel, bil-prodotti agrikoli li ma kellhomx bżonn l-għajnuna tal-bdiewa sabiex ikollhom ftit ilma fil-ħamrija tal-madwar.

Ma’ Net News, il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg qal kif din ix-xita, fil-fatt, għall-bdiewa kienet “manna mis-sema.” Dan hekk kif mixja qasira fil-kampanja, wieħed seta’ jinnota kif qabel dawn il-ħalbiet tax-xita, “l-art kienet għatxana għall-ilma u issa, fl-aħħar, bdejna naraw il-ħamrija tixrob l-ewwel ilma tax-xita.”

Bla dubju ta’ xejn li dan jagħmel ħafna ġid kemm għall-ilma tal-pjan iżda wkoll għax-xogħol tal-bidwi hekk kif ikollu bżonn isaqqi anqas, u allura jkollu anqas spejjeż. Dan apparti li rajna temperaturi li naqsu xi ftit, li jfisser li l-arja ffriskat, xi ħaġa ta’ vantaġġ kbir għat-tkabbir tal-frott u l-ħaxix.

Malcolm Borg qalilna kif din ix-xita tat il-ħajja lir-raba’ u lill-oqsma rurali ta’ pajjiżna tant li qed tiffaċilità l-kultivazzjoni ta’ ċertu prodotti li jissaqqew bix-xita.

L-Uffiċċju Meteorjoloġiku f’pajjiżna mmarka li l-iktar li niżlet xita kien f’Ħad-Dingli f’45.2 millimetru, b’Selmun jagħmilha fit-tieni post tal-iktar lokalità li esperjenzaw xita.

Intant, wara erbat ijiem ta’ xita f’diversi sigħat tal-ġurnata, tmiem il-ġimgħa se tispiċċa b’temp pjuttost xemxi, għalkemm ir-riħ se jkun daqsxejn moderat u t-temperatura se tkun l-iktar baxxa tul din il-ġimgħa kollha, bl-għola temperatura mistennija titla’ għal 16°C nhar ta’ Ħadd.

Il-jiem ta’ wara se jkunu qed jikkuntentaw kemm lil dawk li jħobbu x-xemx u anke dawk li jħobbu dik id-daqsxejn xita. Dan hekk kif qed ikun imbassar li għandna nistennew taħlita ta’ temp, b’uħud mill-ġranet ikunu xemxin bi ftit sħaħ, b’oħrajn se jkunu bir-riħ daqsxejn qawwi u saħansitra jaf nerġgħu naraw ftit xita f’xi sigħat.