Lokali

AĠĠORNATA: Mara ta’ 80 sena titlef ħajjitha u żewġ nisa jindarbu wara inċident f’Ħal Far

Mara ta’ 80 sena residenti Ħal Għaxaq tilfet ħajjitha u minn tal-inqas żewġ persuni oħra ndarbu f’inċident li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin f’Ħal Far.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-mara ntlaqtet minn xarabank tal-għamla Iveco li kienet niżla minnha. Il-vettura kienet misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti Ħal Għaxaq. L-anzjana kienet qed tattendi għal attività f’Villa Blanche (organizzata mill-MEP David Casa), meta għal xi raġuni intlaqet minn kowċ.

Żewġ passiġġieri oħra, mara ta’ 64 u oħra ta’ 63, it-tnejn residenti Ħal Tarxien li ukoll kienu niżlin mill-istess vettura sofrew xi ġrieħi fl-inċident. Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Aktar tard il-mara ta’ 63 ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi, filwaqt li l-ġrieħi tal-mara l-oħra għadhom pendenti. Dan filwaqt li x-xufier ma sofriex ġrieħi.

Fil-post marru numru ta’ ħaddiema ta’ salvataġġ, uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll ħaddiema tal-Emerġenza.

Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant, fuq il-media soċjali, l-MEP David Casa qal illi kien totalment maħsud b’din it-traġedja. “Qalbi toħroġ għall-familja tagħha u noffri l-kondoljanzi sinċieri tiegħi.”

Mal-ewwel, David Casa ħa d-deċiżjoni li l-avveniment jitħassar.

Matul il-jum tas-Sibt huwa ltaqa’ mal-familja tal-vittma li jisimha Lina. F’post fuq il-media soċjali kiteb li kulħadd jinsab maħsud u mnikket bit-telfa tagħha, imma ħadd aktar minn dawk l-aktar qrib tagħha. Saħaq li Lina kienet maħbuba minnhom u totalment devota lejhom, lejn ż-żewġ uliedha u n-neputijiet kollha tagħha. “Ħsibijieti huma magħhom f’dawn il-ġranet diffiċli”.