Lokali Qorti

Membri tas-salvataġġ semgħu l-mobajl ta’ Jean Paul Sofia idoqq taħt it-terrapien

Ħaddiem tas-salvataġġ qal fil-Qorti kif il-mobajl ta’ Jean Paul Sofia daqq meta ċempel in-numru wara li lemaħ il-katavru tal-vittma, parzjalment midfun taħt it-tifrik tal-fabbrika f’Kordin li waqgħet f’Diċembru li għadda.

L-uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili fakkar fix-xena ta’ ċertu portata li ra quddiem għajnejh dakinhar meta ġera lejn il-post tal-kollass fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin, fejn kien fost l-ewwel li wasal hemm mid-dar tiegħu fix-Xemxija.

“Kienet xena li ma tiltaqax magħha kuljum,” qal David Cassar meta xehed fil-kumpilazzjoni ta’ provi kontra l-iżviluppaturi Matthew Schembri u Kurt Buhagiar, il-perit tal-proġett Adriana Zammit u l-kuntratturi Milomar u Dijana Jovicevic.

Il-ħames perduni qed iwieġbu mhux ħatja tal-qtil involontarju taż-żagħżugħ ta’ 20 sena kif ukoll li kkaġunaw ġrieħi gravi lil erba’ ħaddiema li kienu fis-sit tal-kostruzzjoni fiż-żmien meta l-istruttura tal-bricks, li kellha tkun fabbrika tal-għamara, waqgħet qiesha mazz karti.

Mal-wasla, l-uffiċjal tas-salvataġġ mexxa lit-tim tiegħu permezz tal-ewwel biċċa xogħol fejn qala’ lil wieħed mill-ħaddiema li kien maqbud fil-konkos frisk. Saqajn ir-raġel kienu maqbuda fil-konkos fost il-ħafna vireg tal-ħadid li kienu mdawwrin miegħu u għalkemm kien għadu f’sensih, il-vittma kellu wġigħ kbir u kien kemxejn aggressiv.

L-uffiċjali tas-salvataġġ kkalmawh, irnexxielhom jiġbduh il barra u poġġewh fuq stretcher. Dak il-ħin, ix-xhud kien għadu ma kienx jaf kemm kellhom jiġu salvati nies oħra. Wara li ġew salvati tliet vittmi oħra, il-ħaddiema tas-CPD komplew ineħħu t-terrapien kemm manwalment kif ukoll bl-għajnuna ta’ makkinarju, fejn użaw tagħmir biex jillokalizza l-persuna nieqsa, identifikata bħala Sofia.

Ix-xhud kien preżenti meta l-membri ta’ salvataġġ fl-aħħar lemħu par saqajn taħt it-terrapien. Waqt li ħares lejn in-naħa l-isfel lejn l-ewwel tsular, Cassar ċempel n-numru tal-mobile tal-vittma u minbarra t-terrapien, il-mobajl instema’ jdoqq.

Mistoqsi mill-kollegi tiegħu jekk ħassux komdu li jinżel u jidħol fl-ispazju perikoluż, l-uffiċjal kien wieġeb “iva,” u kompla niżel bis-sellum biex jasal u jilħaq lil Sofia. Il-ġisem tal-vittma kien parzjalment maqbud u kellhom ineħħu t-terrapien b’attenzjoni kbira.

Persuna oħra involuta fl-operazzjoni riskjuża mill-bidu sal-aħħar kien il-perit Graham Attard li jaħdem fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jassisti f’każijiet ta’ kollass. Xehed kif dak it-3 ta’ Diċembru filgħodu waqt li dak inhar ma kienx xogħol, inzerta kien Bormla meta rċieva l-aħbar tal-inċident u mar fuq il-post fi ftit minuti, kien minn tal-ewwel li wasal hemm u wieħed minn tal-aħħar li telaq.

L-ewwel parti tas-salvataġġ kienet operazzjoni hekk imsejjħa “snatch” biex l-ewwel erba’ ħaddiema joħorġu mill-istruttura mġarrfa. Imbagħad qalulhom li l-ħames persuna kienet għadha nieqsa. Kelb tas-salvataġġ u tagħmir intużaw biex jgħinu jillokalizza l-vittma iżda l-preżenza tiegħu ġiet ikkonfermata “100%” permezz ta’ filmati tas-CCTV li wrew lil Sofia jidħol fil-bini ftit minuti qabel ma waqa’.

Ma kien qed iġorr l-ebda tagħmir u dan kien jindika li kien dieħel għal xi ħaġa iżda mhux biex jaħdem fuq il-post, spjega l-perit. Lil tas-salvataġġ intqal ukoll li Sofia x’aktarx wasal fuq il-post b’vann li kien ipparkjat barra.

Attard talab l-opinjoni tal-professur universitarju Alex Torpiano u kkonsulta pjanti tal-fabbrika hekk kif kien jaħdem biex jillokalizza l-vittma fis-sit perikoluż instabbli. Il-qalba, jiġifieri x-xaft li fih it-taraġ u l-lift, kienet għadha wieqfa, li kienet l-aktar parti b’saħħitha iżda wkoll l-aktar perikoluża.

Kien hemm ħajt doppju li jwassal għall-qalba u xi armar kontra dak il-ħajt. Il-perit iddeċieda li ma jneħħix mill-ewwel l-armar mirfud ma’ dak il-ħajt biex jipprovdi xi appoġġ. “Sibna lilu jiġifiieri lill-vittma ftit barra l-qalba,” tenna il-perit.

Mid-dehra Sofia kien sejjer meta l-bini waqa’ u spiċċa tliet sulariu taħt it-terrapien.” Dik kienet ir-raġuni għaliex il-mobajl tiegħu ma kellux reception. “Kif l-erba’ ħaddiema l-oħra ġew salvati fi ftit minuti?” staqsa l-avukat parte civile Joe Giglio.

Dawk kienu ilhom jaħdmu fis-sular ta’ fuq filwaqt li Sofia kien fil-pjan terran u spiċċa midfun taħt dak it-terrapien, wieġeb il-perit. Kien hemm qatgħa ta’ ħames metri jew xi ħaġa hekk biex tasal għand il-vittma. “Għidtilhom lill-ħaddiema tas-salvataġġ] li konna noqogħdu nirriskjaw biex naslu ħdejh imma kellna nagħmluha, anke għall-ġid tal-familja tiegħu” qal Attard.

L-uffiċjali tal-protezzjoni ċivili kellhom jieħdu “deċiżjonijiet diffiċli” waqt is-salvataġġ, żied jgħid. Il-każ ikompli.