Lokali

Titħabbar il-mewt tal-professur u soċjologu Ronald Sultana

Fl-aħħar ħin tħabbret il-mewt tal-Professur Ronald G. Sultana, magħruf għax-xogħol tiegħu fil-qasam tas-Soċjoloġija, b’mod speċjali permezz tat-tgħallim tiegħu lill-istudenti fi ħdan l-Università ta’ Malta. Fost l-oħrajn, hu kien imexxi l-Euro Mediterranean Centre for Educational Research.

Il-Professur Sultana kien soċjologu magħruf kemm fuq livell lokali u anke internazzjonali fejn kien waqqaf il-Mediterranean Journal of Educational Studies.

Huwa ta wkoll is-sehem tiegħu fis-soċjetà permezz ta’ 40 volum, u pubblikazzjoni ta’ iktar minn 120 artiklu jew kapitli f’ġurnali u kotba.

Il-Professur Sultana serva wkoll bħala konsulent ta’ diversi aġenziji internazzjonali, fosthom il-UNESCO, UNICEF, GIZ u s-Segretarjat tal-Commonwealth, kif ukoll tal-Unjoni Ewropea u Ministeri tal-Edukazzjoni.

Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista repsonsabbli mill-Edukazzjoni, Justin Schembri li ddiskrivih bħala persuna li kienet mimlija b’baħar ta’ għerf fil-qasam edukattiv u xort’oħra li kellu, iżda dejjem kien dispost jisma’ wkoll.