Lokali

Forum Unions Maltin b’appoġġ lill-Malta Union of Teachers fl-azzjoni industrijali

Il-Forum Unions Maltin qed testendi l-appoġġ lill-membri affiljati tagħha l-MUT fl-azzjonijiet industrijali biex jinkisbu kundizzjonijiet ta’ xogħol u salarji mtejba tal-edukaturi. Il-Forum jemmen bis-sħiħ li d-djalogu soċjali huwa ċ-ċavetta biex jiġu solvuti d-differenzi bejn min iħaddem u l-unjins. Madankollu, fin-nuqqas tagħha, l-union ma titħalla bl-ebda għażla ħlief li tordna azzjonijiet industrijali.

Huma saħqu kif Il-pretensjonijiet tal-MUT huma leġittimi peress li s-sistema edukattiva tagħna teħtieġ tattira l-aqwa edukaturi biex jipprovdu l-aqwa esperjenza edukattiva lill-istudenti. L-investiment fis-settur edukattiv huwa ċ-ċavetta biex jinkiseb dan u huwa investiment dirett fl-edukazzjoni tal-istudenti.

Il-konfederazzjoni żiedet billi tappella wkoll għall-ġenituri u l-pubbliku biex jappoġġjaw lill-edukaturi fit-talbiet tagħhom li jfittxu status u stima mtejba.