Sport Waterpolo

Galatasaray jikkonfermaw is-superjorità fuq it-tim Malti fl-ewwel logħba mill-kwarti tal-finali

VALLETTA…………….. 6

GALATASARAY…….. 10

(2-2), (1-3), (2-4), (1-1)

Diffiċli iżda mhux impossibbli. Telfa għat-tim Malti li qed jikkompeti taħt l-isem ta’ Valletta, kontra tim preparat aktar. Il-partita ta’ ritorn tpoġġi lit-Torok f’pożizzjoni favorevoli li jagħmluha għas-semifinali.

Minbarra l-kompetittività tal-LEN Challenger Cup, din il-kompetizzjoni hi importanti biex il-plejers jilagħbu logħob ta’ livell aħjar minn dak Malti u żgur li f’din il-partita dan il-fattur ħadem. Il-kundizzjonijiet ftit kienu favorevoli hekk kif minbarra l-kesħa, ir-riħ għamilha aktar diffiċli għaż-żewġ timijiet.

It-tim Malti fetaħ bl-aħjar mod b’żewġ gowls minn penalty ta’ Sam Gialanze u Liam Galea. Reazzjoni minn Galatasaray permezz ta’ Marko Krstic, bil-gowl tad-draw wasal fl-aħħar azzjoni tas-sessjoni minn Burtay Akkaya.

Fit-tieni sessjoni, Galatasaray ħadu aktar kontroll tal-logħba, bdew jippressaw aħjar u waqqfu aktar lill-plejers Maltin milli jidħlu qrib il-lasta avversarja. Għall-ewwel darba marru fil-vantaġġ minn man-up u għalkemm Nicholas Bugelli ġab id-draw b’konklużjoni mid-distanza, Can Caner Selcuk reġa’ ħalla lit-Torok b’gowl minn man-up ukoll. Marko Krstic ta vantaġġ doppju lil Galatasaray għall-ewwel darba.

Il-plejers Maltin pruvaw iwettqu reazzjoni fit-tielet sessjoni wara li Galatasaray fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls. Penalty ta’ Sam Gialanze u gowl minn man-up ta’ Liam Galea qatgħu d-distakk għal 6-5. Madankollu tliet gowls fl-aħħar parti tas-sessjoni qatgħu ftit saqajn it-tim Malti.

Galatasaray ikkontrollaw tajjeb l-aħħar sessjoni, bit-tim Malti jonqos li jisfrutta aktar minn okkażjoni waħda biex inaqqas id-distakk għal 10-7. Il-partita ta’ ritorn tintlagħab fid-9 ta’ Diċembru f’Istanbul.

Valletta: J. Tanti, M. Mifsud, A. Galea (1), M. Castillo, S. Gialanze (2), B. Cachia, L. Galea (2), A. Fenech, J. Abela, J. Bonavia, Da. Zammit, N. Bugelli (1), B. Busuttil

Galatasaray: K. Kil Huseyin, F. Acar, E. Naipoglu, E. Colak Engin, C. Caner Selcuk (3), S. Gulenc Osman, D. Vujovic (1), A. Destici (2), O. Senemoglu (1), M. Krstic (2), O. Alpman, U. Akkaya (1), E. Erkaplan

Referees: Alessandro Severo (Italja), Thomas Kovcic (Slovenja)