F’Gaza, is-Sibt daħlet fit-tieni jum tagħha l-pawsa mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas. Dan wara li fl-ewwel ġurnata inħelsu 13-il ostaġġ Iżraeljan… flimkien ma’ għaxar Tajlandiżi u Filippin. Din hija t-tieni ġurnata ta’ dan il-waqfien temporanju, li mistenni jkun mifrux fuq erbat ijiem sabiex tidħol għajnuna umanitarja f’Gaza. Iżrael minn naħa tiegħu diġa’ ħeles 39 Palestinjan illi ġew rilaxxati lejn ix-Xatt tal-Punent.
Fl-aħħar sigħat, kien hemm ukoll 60 trakk b’għajnuna umanitarja illi daħlu f’Gaża waqt din il-pawsa mill-ġlied – b’Iżrael jisħaq li tmienja mit-trakkijiet wasslu l-fjuwil. Skont rapporti qed jingħad li aktar ostaġġi mistennija jinħelsu fil-ħin li ġej fejn ll-Ħamas se jeħles 13-il ostaġġ Iżraeljan.
Aktar kmieni, uffiċjali Eġizzjani qalu li l-Hamas se jeħles 14-il ostaġġ bi skambju għal 42 priġunier Palestinjan miżmuma minn Iżrael fejn skont il-Hamas huma se jeħilsu ostaġġ iżraeljan għal kull tliet pruġinieri meħlusa.
L-Eġitu qed jgħid li rċieva sinjali pożittivi mill-partijiet kollha dwar estensjoni possibbli ta’ rikonċiljazzjoni f’Gaża hekk kif ll-pajjiż qed iżomm taħdidiet estensivi.
U b’rabta ma’ dan kolli, is-Sibt fl-Ingilterra ġiet organizzata protesta oħra favur il-Palestina fejn eluf ta’ persuni niżlu Londra sabiex jiprotestaw, b’madwar 1,500 uffiċjal tal-gwardja Ingliża kienu preparati għal dak li jista’ jinqala’.
Filfatt kien hemm preżenza sinifikanti ta’ Pulizija f’Hyde Park biswit numru ta’ monumenti prominenti tal-gwerra bil-biża’ li dawn jiġu vandalizzati mil-protestanti.
Waqt din il-protesta uffiċjali qassmu fuljetti li jwissu lid-dimostranti kontra l-użu ta’ abbuż razzist u l-promozzjoni tat-terroriżmu.