Lokali

“Il-vjolenza domestika għadha pjaga soċjali kbira f’pajjiżna” – PN

Il-vjolenza domestika għadha pjaga soċjali kbira f’pajjiżna u għal sena oħra qegħdin infakkru l-jum dinji għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa f’mument fejn b’diqa kbira u sens ta’ rabja, pajjiżna għadu ma mexiex ’il quddiem f’dan il-qasam.  

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema għall-Ugwaljanza u Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ u mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista.

Dan għaliex sena wara l-femiċidju ta’ Bernice Cassar fejn ħareġ ċar li s-sistemi li suppost ħadmu biex omm ta’ żewġt itfal tkun protetta fallew, ħadd ma refa’ l-ebda responsabbiltà għal dan il-falliment kbir għal dan in-nuqqas. Din il-mara rrappurtat lill-pulizija diversi drabi iżda ħadd ma pproteġiha. Ħajjitha nħasdet ħesrem u l-karba ta’ din il-mara ma nstemgħetx.

Minkejja li għaddiet il-liġi tal-femiċidju, minkejja li l-allegat qattiel għaddej proċeduri fil-Qrati, sadattant hemm 2,283 każ pendenti ta’ vjolenza domestika.   Dan qiegħed iwassal għal dewmien esaġerat biex il-vittmi jingħataw xi forma ta’ protezzjoni u jibqghu jghixu fil-bizgha u riskju.

Il-liġijiet fuq il-karti ma jipproteġux lin-nies u lanqas ma jipprevjenu traġedji bħalma rajna fix-xhur li għaddew. Għalhekk hemm bżonn azzjonijiet fil-pront u sistemi li jaħdmu b’mod effiċjenti biex iħarsu lill-vittmi.

Fil-jum dinji għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jkompli jistinka biex kull mara f’pajjiżna tkun protetta u biex l-awtoritajiet jassiguraw li jkun hawn sistema adegwata fejn mara tista’ tirrapporta każ ta’ vjolenza u tittieħed azzjoni f’waqtha.