Rowen Camilleri
Wara waqfa ta’ tliet ġimgħat minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti, il-Kampjonat BOV Premier jirritorna b’konfronti interessanti mit-tmien ġurnata fejn fost oħrajn insibu l-famuż derby l-antik bejn Sliema Wanderers u Floriana kif ukoll il-konfront bejn Marsaxlokk u Ħamrun Spartans, biex b’hekk iż-żewġ leaders attwali tal-kampjonat se jkunu qed jaffaċċjaw avversarji li jinsabu eżatt taħthom u li qed ikollhom staġun mill-aktar pożittiv. Konfronti diffiċli wkoll għat-timijiet tal-qiegħ li jridu jibdew jiġbru l-punti kemm jsta’ jkun malajr biex ma jkunux daqsekk maqtugħin kif jibda’ t-tieni rawnd f’Jannar tas-sena d-dieħla.
Sliema Wanderers vs Floriana | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Minkejja li r-rivalità antika llum ikkalmat, u dan il-konfront ma jkunx wieħed jaħraq bħalma kien ikun fl-antik, xorta jibqa’ l-fatt li l-klima ta’ derby tista’ titfa’ xi ftit pressjoni fuq dawn iż-żewġ timijiet u nistennew logħba missielta bejn Floriana, wieħed mil-leaders tal-kampjonat u tim organizzat u li jinsab fil-forma, dak ta’ Sliema Wanderers. Il-Blues ġejjin minn rebħa minima ta’ 1-0 kontra Santa Lucia, li minkejja li t-tim immexxi minn Paul Zammit kien l-aħjar matul il-partita, m’għarfux jisfruttaw l-opportunitajiet li ġewhom biex baqgħu inċerti sat-tisfira finali. Bla dubju li Sliema jippreferu rebħa kontra Floriana iżda jekk minn tal-inqas jieħdu draw minn dan il-konfront jibqgħu mal-ewwel erbgħa fil-klassifika biż-żewġ konfronti ta’ wara wkoll huma iebsin kontra Hibernians u Balzan rispettivament. L-aħħar rebħa ta’ Sliema Wanderers kontra r-rivali Floriana fil-Kampjonat, tmur lura għal kważi tliet snin meta f’Diċembru tal-2020, il-Blues taħt it-tmexxija dak iż-żmien ta’ Andrea Pisanu kienu rebħu 1-0 b’gowl deċiżiv tal-midfielder Taljan, Juri Cisotti. Floriana wara żewġ riżultati ta’ draw, fl-aħħar partita rritonaw għar-rebħ biex approfittaw mid-draw ta’ Ħamrun kontra Mosta u reġgħu laħquhom fil-quċċata. Partiti bħal dawn, li kif għedna nantiċipaw li tkun waħda missielta, jispikkaw plejers li jagħmlu d-differenza u Floriana se jkunu qed jiddependu ħafna fuq il-prestazzjoni tal-aqwa skorer tagħhom Kemar Reid, li issa jista’ jitqies bħala Malti wara li fil-ġimgħat li għaddew ġab iċ-ċittadinanza u saħansitra ddebutta għal Malta kontra l-Ingilterra f’Wembley.
Għal Sliema possibilment debutt għall-internazzjonali tal-Liberja Joachim Adukor li ingħaqad mal-Blues fil-jiem li għaddew. L-aħħar logħba bejn it-tnejn, fl-istaġun 2021/22 intrebħet mill-Greens bl-iskor ta’ 2-0.
Marsaxlokk vs Ħamrun Spartans | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Wara d-draw kontra Mosta, iċ-champions renjanti Ħamrun Spartans quddiemhom għandhom avversarju ieħor li jista’ jtellifhom il-punti u li s’issa kellu bidu mill-aqwa ta’ dan l-istaġun, hekk kif fit-tieni logħba tal-lum fl-Istadium Nazzjonali jiltaqgħu kontra Marsaxlokk. Wara li dehru li se jitilfu r-ritmu li qabdu fil-bidu tal-istaġun, u tilfu żewġ logħbiet infila, fl-aħħar partita t-tim immexxi minn Winston Muscat kiseb rebħa importanti ta’ 2-0 kontra Birkirkara biex żamm postu ma’ ta’ fuq, erba’ punti biss bogħod mill-ewwel post. Dan huwa riżultat ta’ sforz kollettiv mill-iskwadra Xlukkajra iżda għalihom qed jispikkaw l-attakkanti Yuri Messias u Sunday Akinbule li bejniethom skorjaw 10 gowls mill-14 li skorjaw il-finalisti tal-aħħar edizzjoni tal-FA Trophy. Bla dubju li din se tkun logħba oħra diffiċli kontra Ħamrun li akkost ta’ kollox iridu jibqgħu jirbħu biex jiddefendu t-titlu bit-tama li jirbħu l-10 kampjonat fl-istorja u jakkwistaw stilla fuq il-flokk. Aħbar tajba għal Luciano Zauri hekk kif it-tliet logħbiet sospensjoni ta’ Joseph Mbong ġew maħfura wara l-appell li resqu Ħamrun Spartans. Dan jagħti l-għażla lill-kowċ Taljan li jagħżel bejn Mbong u Corbalan fuq il-laterali tal-lemin. Marsaxlokk iridu kemm jista’ jkun jevitaw li jagħtu spazju lil laterali jitfgħu croses lejn Luke Montebello u Uros Djuranovic li fil-kaxxa huma perikolużi mmens hekk kif bejniethom skorjaw 11-il gowl, b’Montebllo jiskorja 6 filwaqt li l-plejer mill-Montenegro jiskorja 5 gowls.
Ħamrun fl-aħħar konfront bejn it-tnejn rebħu 1-0, bil-gowl tar-rebħa dakinhar jasal fit-93 minuta minn Matthew Guillaumier.
Sirens vs Hibernians | Illum, fis-1pm fis-Centenary Stadium
Fl-ewwel logħba mit-tnejn li għandna llum fit-Tony Bezzina Stadium, Sirens, li bħal Santa Lucia jinsabu ankrati f’qiegħ il-klassifika, jaffrontaw lil Hibernians li fl-aħħar konfront irritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ erba’ partiti, u bla dubju se jkunu qed jittamaw li jżommu dan ir-ritmu fejn żgur li kontra t-tim minn San Pawl il-Baħar se jkunu qed jibdew bħala favoriti. Aktar ma’ jgħaddi żmien aktar jidher ċar kemm l-istaġun ta’ Sirens se jkun wieħed diffiċli hekk kif minbarra li għadhom bla rebħa minn seba’ partiti, it-tim immexxi minn Steve D’Amato huwa l-aktar tim li sofra gowls, 14 u bħal Santa Lucia l-inqas li skorja fejn s’issa sab ix-xibka biss darbtejn. Għalkemm għadu ftit kmieni, Sirens diġa’ jinsabu 7 punti ‘l bogħod mis-salvazzjoni meta issa qbiżna nofs l-ewwel round. Hibernians huwa wieħed minn tliet timijiet li jinsabu fit-tielet post b’10 punti iżda bejnhom u ż-żona l-ħamra hemm biss żewġ punti u għalhekk xejn inqas minn rebħa ma tissodisfa lil Branko Nisevic u sħabu. Pedina importanti għal Pawlisti huwa l-plejer Grieg Giannis Bastianos, akkwist ġdid li qed ikollu wirjiet mill-aqwa tant li kontra Gudja kien ivvotat il-Plejer tal-Logħba u s’issa skorja 4 gowls.
L-aħħar konfront bejn dawn it-tnejn l-istaġun li għadda spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Gudja United vs Balzan | Illum, fl-3:30pm fis-Centenary Stadium
Żewġ punti biss fuq Santa Lucia u Sirens insibu lil Gudja United li wkoll għadhom ma kisbu l-ebda rebħa. llum se jkunu qed jaffaċjaw lit-tim ta’ Balzan, li għalkemm huwa tim validu ħafna, żgur li għadu ma laħaqx l-aspettattivi tant li sofra telfiet fl-aħħar żewġ ħarġiet kontra Hibernians u Naxxar rispettivament. L-akkwisti li m’għamlux fis-sajf it-tim immexxi minn Jesmond Zammit se jkollu jagħmlihom f’Jannar jekk vera jixtiequ li jiġġieldu għas-salvezza iżda sal-ftuħ tas-suq tat-trasferimenti fadal erba’ logħbiet li jridu jieħdu kemm jistgħu punti minnhom biex ma jkomplux jinqatgħu mill-għaxar post. Għal dan il-konfront huma se jkunu mingħajr il-captain Karl Micallef li kontra Hibernians tkeċċa wara li qala’ żewġ karti sofor. Balzan kif għedna s’issa kien wieħed mid-diżappunti tal-istaġun fejn wara investiment konsiderevoli fis-sajf u anke prestazzjonijiet tajba fl-Ewropa, fil-kampjonat rebħu tliet logħbiet iżda tilfu tlieta oħra u jinsabu fl-għaxar post tal-klassifika b’9 punti, pożizzjoni li żgur li l-amministrazzjoni mmexxija mill-President Anton Tagliaferro ma jixtiequx li jdumu wisq fiha. Waħda mill-problemi ta’ Balzan jidher li tinsab fl-attakk hekk kif huma skorjaw biss 5 gowls, wieħed mill-inqas timijiet fil-kampjonat. Oliver Spiteri se jkollu nieqes lid-difensur Serb Ivan Bozovic li jinsab sospiż logħba.
Balzan rebħu l-aħħar konfront li lagħbu 1-0 f’Jannar li għadda.
Mosta vs Gżira United | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
Fl-ewwel logħba tal-Ħadd, dik li tibda fil-11am fis-Centenary Stadium, Mosta jiltaqgħu kontra Gżira United biż-żewġ timijiet ġejjin minn draw fl-aħħar ħarġa tagħhom, b’dak ta’ Mosta forsi xi ftit aktar prestiġjuż kontra ċ-champions renjanti Ħamrun Spartans. Żewġ punti biss jifirdu lil dawn iż-żewġ timijiet hekk kif Mosta għandhom 10 punti filwaqt li Gżira għandhom 8. Fl-aħħar logħba l-Maroons kienu sfortunati li ma ħadux tliet punti importanti wara li sofrew gowl fis-86 minuta kontra Valletta biex kellhom jikkuntentaw bi draw. Mosta kif għedna kisbu draw importanti kontra Ħamrun Spartans meta wara li kienu minn taħt kien l-eks Kevin Tulimieri li ċaħħad lil Ħamruniżi milli jibqgħu weħidhom fil-quċċata. Mosta se jkunu mingħajr l-attakkant Niġerjan Christian Nnaji li tkeċċa fl-aħħar sekondi kontra Ħamrun.
Mosta rebħu l-aħħar konfront kontra Gżira 2-1 b’doppjetta ta’ Zachary Brincat.
Naxxar Lions vs BIrkirkara | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Qabel il-waqfa internazzjonali Naxxar kellhom tliet riżultati mill-aqwa fejn ġew darbtejn draw kontra Floriana u Hibernians filwaqt li bi prestazzjoni mill-awqa għelbu lil Balzan. Il-kowċ George Vella jittama li l-waqfa ma ttellifx ir-ritmu tal-plejers tiegħu hekk kif se jkunu qed jaffaċjaw lil Birkirkara li minn naħa tagħhom se jkunu ġejjin minn telfa kontra Marsaxlokk. Minbarra l-barranin li qed ikunu protagonisti għal Naxxar, partikolarment Wilian Marcilio u Pablo Carvalho, żgur li wieħed irid ifaħħar lill-goalkeeper proprjetà ta’ Ħamrun Matthias Debono li qed iwettaq saves importanti għat-tim tiegħu u saħansitra kontra Balzan salva anke penalty. L-Istripes, rebbieħa tal-FA Trophy, dan l-istaġun qed ikun wieħed xi ftit aktar iebes għalihom u mhux qed ikunu konsistenti iżda rebħa kontra Naxxar, minbarra li jerġgħu jirritornaw għar-rebħ wara d-disfatta kontra Marsaxlokk, tista’ ttellahom ftit ‘il fuq fil-klassifika hekk kif it-timijiet ta’ fuqhom kollha għandhom partiti iebsin. Tedesco se jkollu żewġ pedini importanti nieqsin mill-ewwel ħdax hekk kif Ali Diakite u Enrico Pepe t-tnejn huma sospiżi logħba. L-aħħar konfront bejn Naxxar u Birkirkara jmur lura għal Frar tal-2018 meta dakinhar kienu l-Istripes li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Valletta vs Santa Lucia | Għada, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Il-partita li se tagħlaq it-tmien ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tkun dik bejn Valletta u Santa Lucia. Enzo Potenza għadu qed ifittex l-ewwel rebħa f’din l-esperjenza tiegħu fuq il-bank Belti b’din il-partita hija opportunità tajba hekk kif se jilgħab kontra wieħed mill-inqas timijiet dan l-istaġun. Fl-aħħar konfront Valletta salvaw punt fl-aħħar minuti kontra Gżira United wara li kienu tilfu kontra r-rivali Ħamrun il-ġimgħa ta’ qabel. Tliet punti huma importanti ħafna għall-Beltin sabiex possibilment jitilgħu fl-ewwel nofs tal-klassifika bit-tama li jibdew triq konsistenti ta’ ġbir ta’ punti. Din ir-rebħa hija importanti wkoll hekk kif l-aħħar tliet partiti tagħhom din is-sena huma kontra tliet avversarji diffiċli u għalhekk jeħtieġ li l-moral tal-plejers ikun għoli kemm jista’ jkun hekk kif se jkunu qed jagħlqu s-sena b’konfronti kontra Floriana, Hibernians u Balzan rispettivament. Santa Lucia se jkollhom nieqes lid-difensur Sven Xerri li jinsab sospiż.
F’April li għadda, fl-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet kienu s-Saints li ħarġu rebbieħa 1-0.
//= $special ?>