Lokali

“L-inġustizzji li għandna fis-soċjetà qed jikkawżaw il-faqar”

“Il-faqar qed jiżdied kaġun tal-inġustizzji li għandna fis-soċjetà. Għalhekk Il-pajjiż jeħtieġ li jaħdem fuq il-kredibilità sabiex nattiraw ħaddiema ta’ kwalità.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ waqt diskussjoni li tratta l-ekonomija u l-faqar fil-programm Opinjoni, fejn intqal li hemm diversi forom ta’ faqar u ħafna drabi persuni jispiċċaw fil-faqar kaġun tal-inġustizzji li hemm fis-soċjetà.

Minn naħa tiegħu Patri Marcellino Micallef stqarr li l-problema ta’ faqar hija waħda serja f’pajjiżna dan hekk kif f’sena jgħin eluf ta’ persuni permezz tas-Soup Kitchen.

Apparti minn hekk, Patri Marcellino qal li ċertu nies qed jaslu f’punt li jkollhom jagħżlu bejn jekk jixtrux mediċina jew ikel. Hawnhekk. Patri Marcellino saħaq li l-NGOs li jgħinu lil dawn in-nies għandhom jingħataw aktar appoġġ.

Minn naħa tiegħu Noel Xerri minn Anti Poverty Forum qal li persuna tista’ ssib ruħha fil-faqar kaġun ta’ ċirkostanzi bħal meta koppja tissepara jew xi ħadd jimrad serjament. Dan hekk kif l-individwu jispiċċa b’aktar spejjeż.

Barra minn hekk, Xerri qal li ħafna aktar nies qed jaqgħu fil-vizzju tad-droga iżda dawk li jfittxu l-għajnuna dejjem qed jonqsu.

Min-naħa tiegħu l-avukat Anthony Sammut qal li bil-ġirja sfrenata biex titkabbar l-ekonomija, il-poplu qed jispiċċa jaqa’ lura tant li mhux qed ilaħħaq mal-ħajja.

U hekk kif l-għalliema għaddejjin bl-azzjonijiet industrijali kemm fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja Anthony Sammut qal li ċerti impjiegi li jgħinu għall-iżvilupp tas-soċjetà, mhux qed jiġu apprezzati. Kien għalhekk li saħaq li wasal iż-żmien li pajjiżna jaħdem fuq il-kredibilità filwaqt li jattira ħaddiema ta’ kwalità.