L-għaqda Repubblika ippubblikat għall-informazzjoni ta’ kulħadd kopja tad-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar rapport li għamilna wara rapport fil-midja li Rosianne Cutajar gidbet fid-dikjarazzjoni li għamlet fl-2020 fuq id-dħul tagħha fl-2019.
F’deċiżjoni meħuda riċentament, il-Kummissarju għall-Istandards sab li Rosianne Cutajar kienet impjegata bħala konsulent fl-ITS matul l-2019 meta kienet Deputat tal-Parlament. Il-Kummissarju għall-Istandards sab li Rosianne Cutajar ma ddikjaratx din il-konsulenza meta fl-2020 daħħlet id-dikjarazzjoni tagħha tad-dħul għas-sena ta’ qabel. Repubblika tfakkar li “dan hu ksur tal-kodiċi tal-etika u sanzjonabbli skont il-liġi”.
Stqarrija ta’ Repubblika
Qed nikkundannaw l-imġieba ta’ Rosianne Cutajar li mingħajr ma infurmat lill-pubbliku x’sab il-Kummissarju, ħarġet tiċċelebra li ġiet eżonerata u kitbet fis-sens li l-allegazzjonijiet dwarha kienu xi vendikazzjoni ivvintata.
Il-Kummissarju għall-Istandards sab li Rosianne Cutajar kienet impjegata bħala konsulent fl-ITS matul l-2019 meta kienet Deputat tal-Parlament.
Il-Kummissarju għall-Istandards sab li Rosianne Cutajar ma ddikjaratx din il-konsulenza meta fl-2020 daħħlet, kif kienet obbligata tagħmel, id-dikjarazzjoni tagħha tad-dħul għas-sena ta’ qabel. Dan hu ksur tal-kodiċi tal-etika u sanzjonabbli skont il-liġi.
Il-Kummissarju għall-Istandards iżda għalaq il-każ mingħajr aktar azzjoni għax il-kodiċi tal-etika jimponi fuqu preskrizzjoni ta’ sena minn meta seħħ il-ksur tal-etika anke jekk ħadd ma kien jaf bih fi żmien biż-żejjed biex seta’ jilmenta fuqu.
Il-Kummissarju juri sogħoba li għandu din il-limitazzjoni u jfakkar espressament li r-rakkomandazzjoni tal-OECD hi li dan il-perjodu jittawwal. Imġieba mhux etika ma ssirx aċettabbli għax il-persuna fil-ħajja pubblika li ġġib ruħha ħażin jirnexxielha taħbi l-qerq tagħha għal 12-il xahar.
Il-Kummissarju b’għaqal ifakkar ukoll rakkomandazzjoni oħra tal-OECD: li d-Deputati tal-Parlament m’għandhomx ikunu wkoll impjegati jew konsulenti tal-gvern.
Rosianne Cutajar kisret regoli eżistenti u mhix se tiġi ċċensurata sempliċiment għax ħbiet dak il-ksur għal sena.
Imma agħar minhekk, l-osservazzjonijiet tal-Kummissarju jfakkru li hemm raġuni għalfejn Rosianne Cutajar ħbiet il-konsulenza li kienet titħallas għaliha mill-ITS. Il-Kummissarju jgħid li “potenzjalment seta’ kien hemm kwistjoni dwar jekk fil-fatt il-kuntratt kienx wieħed ġenwin jew le, jiġifieri jekk l-Onor. Cutajar għamlitx xogħol ta’ konsulenza li jiġġustifika l-impjieg tagħha mal-ITS.”
Il-Kummissarju stess jgħid li ma daħalx aktar fil-fond dwar il-potenzjal ta’ dan l-abbuż għax ma kienx is-suġġett tal-ilment li għamilnilu. Iżda l-Kummissarju ma jsemmix il-potenzjal ta’ dan l-abbuż għal xejn.
B’dawn il-konsulenzi, aktarx finti, il-gvern jikkomprometti u jikkorrompi lid-Deputati tal-partit tiegħu biex jassigura l-lealtà tagħhom u jgħaffeġ prinċipju kardinali tad-demokrazija: is-separazzjoni tal-poteri bejn il-gvern u l-Parlament.
Ningħaqdu mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u nsejjħu għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD biex Deputati li jġibu rwieħhom b’mod mhux etiku ma jitħallewx jistaħbew wara preskrizzjoni inġusta.
Hawn mhux qorti fejn qed niddeterminaw ħtija kriminali. Il-proċess tas-sejba ta’ ksur tal-etika qiegħed hemm biex iżomm lill-persuni b’poter politiku ma’ standards eżemplari ta’ mġieba tajba. Qatt m’hi mġieba tajba li tigdeb fuq dikjarazzjoni lill-Parlament biex taħbi flus li qlajt mingħand il-gvern.
Għal darb’oħra Rosianne Cutajar uriet ruħha ferm aktar baxxa mill-aktar standards baxxi li wieħed jista’ jistenna minn Deputat tal-Parlament. Anke f’dan l-episodju, bħal oħrajn serji bħalu, qarrqet, gidbet, u nħbiet wara l-proċedura biex tattakka lil min jikkritikaha.
Postha mhux fil-politika.
//= $special ?>