Lokali

Vittorio Sgarbi jgħid li qed isir ‘sfreġju’ biswit il-Konkatidral ta’ San Ġwann

Biswit il-Konkatidral ta’ San Ġwann qed isir ‘sfreġju’.

Hekk stqarr l-espert tal-istorja u kritiku tal-arti Vittorio Sgarbi meta kien qed jirreferi għall-estensjoni li qed issir fil-proġett tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, li fiha se tinkludi l-mużew il-ġdid.

Sgarbi, waqt li kien qed iżur dan il-proġett, qal li huwa inkredibbli kif wieħed mill-iktar postijiet sagri f’pajjiżna, fejn hemm l-ikbar opra ta’ Caravaggio, spiċċa sfigurat b’dan il-mod. Tant li jistqarr li affarijiet bħal dawn ma tarahom iseħħu mkien madwar id-dinja kollha.

Jistqarr li dan kollu li qed isir qed juri li Malta bħal donnha mhux qed tagħti ġieħ lill-istorja rikka tagħha.

Huwa jistaqsi kif proġett bħal dan qed jitħalla jsir… proġett li jiddeskrivieh bħala ‘vjolenza’ fuq l-arti sagra ta’ pajjiżna.

Bi Sgarbi jerġa’ jinsisti li dak li qed iseħħ biswit il-Konkatidral ta’ San Ġwann huwa proġett li wieħed lanqas jemmen li verament qed isir.  

Intant b’reazzjoni għall-kummenti ta’ Vittorio Sgarbi, il-Fondazzjoni tal-Konkaridral ta’ San Ġwann esprimiet diżappunt kbir għall-kummenti tiegħu. Saħqet li matul il-proċess ta’ ppjanar u approvazzjoni, il-Fondazzjoni impenjat ruħha f’diskussjonijiet kontinwi ma’ diversi partijiet interressati, inklużi l-ippjanar nazzjonali, il-wirt, it-trasport u l-awtoritajiet lokali.

Numru ta’ ġimgħat ilu, kien hemm diġà kontroversja dwar dan il-proġett. Dan hekk kif storiku tal-arti u espert ta’ Caravaggio wera t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tax-xgħolijiet li qed isiru fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fuq il-kapolavur tal-artisti li jinsabu fl-oratorju tal-katidral.

Keith Sciberras li kien imexxi d-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Universita ta’ Malta qal li t-tieqa li tinsab fl-Oratorju li tagħti direttament lejn il-Qtugħ tar-Ras ta’ San Ġwann Battista ta’ Caravaggio, se tkun imblukkata  b’mod permanenti mill-ħajt tas-sala l-ġdida li qed tittella’… xi ħaġa li se timpatta d-dħul tad-dawl f’dan il-post.

Għalkemm b’risposta għal Sciberras … il-Fondazzjoni tal-Konkatidral insistiet li dan il-proġett qed jitmexxa b’dedikazzjoni u bi standards għoljin, li jħarsu l-wirt kulturali.