Lokali

“Abbozz ta’ Liġi li jirriforma u jsaħħaħ il-Liġi Maltija biċ-ċittadini jkollhom aktar drittijiet imħarsa u assigurati”

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL) flimkien mal-Partit Nazzjonalista ppreżentaw Abbozz ta’ Liġi li għandu l-iskop li jirriforma u jikkonsolida l-Liġi Maltija dwar dak li hu magħruf bħala stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti amministrattivi, leġislattivi u ġudizzjarji.

Dwar din l-inizjattiva tkellimt fit-tul ma’ Andrew Drago, il-President tal-Għaqda Studenti tal-Liġi, li spjegali fid-dettall l-iskop ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi u l-benefiċċji tiegħu.

Andrew Drago beda biex fisser li gvern għandu mandat li jiggverna. Id-deċiżjoni tal-elettorat tagħti l-kredibbiltà u diskrezzjoni wiesgħa lill-Eżekuttiv tal-pajjiż, li huwa mistenni li jaderixxi l-mandat tal-poplu permezz tal-Amministrazzjoni Pubblika.

Madanakollu, il-fergħa Eżekuttiva tal-Istat, kont il-fatt li l-poplu eleġġa gvern biex jamministrah għall-benesseri tiegħu, huwa mistenni li jiggverna b’mod ġust, b’mod raġonevoli u b’mod li jirrispetta l-Liġijiet tal-pajjiż. Dan huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tas-saltna

tad-dritt; li kulħadd, anki gvern mogħni bis-saħħa tal-elettorat, huwa soġġett għal-Liġi.

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi sikwit jgħid li l-Qrati huma l-bastjuni finali tal-legalità. Dan għaliex huma l-Qrati tal-Ġustizzja li għandhom l-aħħar kelma fuq it-tħaddim u l-interpretazzjoni tal-Liġi.

Andrew Drago kompla li għaldaqstant, jekk il-gvern tal-ġurnata jaġixxi barra mil-Liġi, il-gvern ikun soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qrati u jkunu l-istess Qrati li jistħarrġu jekk il-gvern aġixxa b’mod legali jew le. Dan huwa l-istħarriġ ġudizzjarju; l-abbiltà tal-Qrati li atti tal-Eżekuttiv jirrispettaw il-Liġi, u jekk le, jistruzzjonaw lill-Gvern biex jirrikonsidra d-deċiżjoni tiegħu abbażi ta’ dak li tipprovdilu l-Liġi.

Il-Mozzjoni 194, li ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn li għadda proprjament tirrigwardja dan il-proċess ġudizzjarju, li, matul iż-żminijiet kien b’xi mod jew ieħor ostakolat.

L-istorja tal-istħarriġ ġudizzjarju f’Malta għaddiet minn diversi fażijiet. Għall-maġġoranza tas-seklu għoxrin, il-Qrati ma kenux jinvolvu ruħhom fl-istħarriġ ġudizzjarju u kienu jħaddmu duttrina ta’ imunità legali għall-atti eżekuttivi.

Hu fakkar kif fis-sebgħinijiet, il-Qrati bdew jippronunzaw li l-Eżekuttiv mhux eskluż mill-osservanza tal-Liġi. Il-kulminazzjoni ta’ dan il-ħsieb liberali ġie fis-sentenza tant studjajta tas-Sorijiet Irlandiżi tal-Blue Sisters.

Il-Blue Sisters kienu jieħdu ħsieb sptar (illum l-Isptar Zammit Clapp) b’karità. Il-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, meta ġie biex iġedded il-liċenzja ta’ dan l-Isptar, impona kundizjoni li tal-inqas nofs is-sodod tal-Isptar għandhom jiġu provduti lill-Gvern b’xejn. Din il-kundizzjoni kienet waħda li tirrendi l-Isptar inopperabbli u kienet tammonta għall-esproprijazzjoni mingħajr kumpens.

Il-Qrati qisu li din il-kundizzjoni kienet waħda irraġonevoli u għaldaqstant li tali impożizzjoni kienet waħda illegali. Il-Gvern ma kien xejn kuntent b’din is-sentenza tal-Qrati u għadda Liġi f’1981 fejn

effettivament waqqaf l-istħarriġ ġudizzjarju. Fl-1995, il-Liġi tal-1981 ġiet abbrogata u ddaħħlet il-Liġi li għandna llum.

Din illum hija storja. Però l-effetti ta’ dawn il-ġrajjiet legali għadhom jirriflettu sal-lum il-ġurnata. Il-Liġi tal-1995 kienet waħda li reġgħet tat id-dritt tal-istħarriġ ġudizzjarju lura. Imma ma kenitx waħda perfetta u matul is-snin ħarġu diversi difetti u ostakoli li jimpedixxu l-istħarriġ ġudizzjajru.

Waħda mill-ewwel problemi li ħolqot il-Liġi tal-1995 kienet konfużjoni bejn id-diversi modi ta’ kif l-Eżekuttiv imexxi. Jingħad li t-tmexxijja tal-Eżekuttiv tista’ tiġi kklassifikata fi tlieta: Leġislazzjoni Sussidjarja, fejn xi Att tal-Parlament jawtorizza lill-xi ministru jew xi awtorità pubblika joħroġ il-Liġijiet; entitajiet Kważi-Ġudizzjarji bħall-bordijiet u tribunali li huma meqjusa bħala fergħa tal-Eżekuttiv, u deċiżjonijiet amministrattivi, bħalma huma ordnijiet, liċenzji u permessi mgħotija minn awtoritajiet pubbliċi.

Andrew Drago żied li dawn huma t-tlett kategorijji ta’ poteri Eżekuttivi li huma regolati b’liġijiet differenti, u li diversiment ħolqu problemi fil-Qrati ta’ liema Liġi għandna tapplika. LAbbozz tal-Għaqda Studenti tal-Liġi qiegħed jgħaqqad dawn it-tlett kategorijji ta’ atti amministrattivi taħt l-istess kapitolu, b’hekk nassiguraw iċ-ċertezza legali u l-uniformità.

Problema oħra li għandna fl-istħarriġ ġudizzjajru hija fid-definizzjoni ta’ dawk l-entitajiet li huma soġġetti għall-istħarriġ. Eżempju, kumpanijji tal-Gvern, ma jaqgħux taħt din id-definizzjoni, u b’hekk ma tistax tressaq kawża ta’ stħarriġ ġudizzjajru kontrihom, qal Andrew Drago.

Dan huwa eżempju ċar ta’ kif din il-Liġi ma tirriflettix ir-realtajiet ġodda li qegħdin ngħixu fihom illum. Sikwit insegwu kif servizzi li kien jipprovdihom il-Gvern, illum qegħdin jiġu provduti minn entitajiet privati jew inkella, il-Gvern, jiftaħ kumpanijji fejn bihom jipprovdi xi servizz li qabel kien jiġi provdut mill-awtoritajiet.

Iċ-ċittadin m’għandux jitlef id-dritt li jassigura l-legalità tal-Amministrazzjoni Pubblika, abbażi tal-fatt li l-entità li qed tipprovdih ma taqax f’xi definizzjoni wisq restrittiva ta’ Awtorità Pubblika.

L-Abbozz qiegħed jipproponi li dawk l-entitajiet kollha li jipprovdu servizz pubbliku, irreleventi jekkx humiex kumpanijji, aġenzijji jew awtoritajiet stabbiliti bil-Liġi, għandhom jitqiesu bħala entitajiet soġġetti għall-iskrutinju tal-Qrati. Dan biex jiżgura li l-governanza, minkejja il-forom differenti li tista’ tieħu, tkun waħda li tissodisfa il-Liġijiet tal-pajjiż.

Andrew Drago fisser li llum, biex persuna tiftaħ kawża ta’ stħarriġ ġudizzjarju trid turi li d-deċiżjoni li qiegħda topponi taffettwah b’mod personali, attwali u dirett. Dan jgħidulu interess ġuridiku u fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju joħloq sitwazzjoni legali perikoluża.

Dan għaliex ċertu deċiżjonijiet tal-Gvern li jkunu jaffettwaw lill-poplu kollu u mhux lill-xi persuna b’mod personali ma jkunu qatt jistgħu jiġu skrutinizzati mil-Qrati.

F’Jannar ta’ din is-sena, l-NGO “The Life Network Foundation” tilfu kawża fejn kienu qed jissindikaw il-validità legali ta’ bejgħ ta’ morning after pill mingħajr ebda preskrizzjoni. “Mingħajr ma nidħlu fil-mertu ta’ dan il-każ, u jekk din l-awtorizzazzjoni kienet legali jew le, il-Qorti sabet li minħabba l-fatt li din id-deċiżjoni ma kenitx taffettwa lill-Għaqda b’mod personali u dirett, allura l-NGO ma kelliex l-interess ġuridiku biex tiftaħ dik il-kawża.

Il-President tal-Għaqda Studenti tal-Liġi kompla li allura wieħed jistaqsi, f’dan il-każ, min kien ikollu interess ġuridiku biex jiftaħ din il-kawża? Wieħed eventwalment jasal għall-konklużjoni li deċiżjoni bħal din ma taggrava lil ħadd b’mod personali u dirett, u allura ħadd ma jkun jista’ jistaqsi jekk tali deċiżjoni kenitx legali jew le.

Kieku ma kenitx direttiva tal-Unjoni Ewropea li tagħti interess ġuridiku lill-NGOs ambjentali, il-Qorti ma kenitx tkun tista’ tannulla l-konċessjoni illegali tal-Aħrax u l-Miżieb lill-FKNK u permessi għall-iżvilupp f’żona eko-sensittiva fil-limiti tal-Baħrija.

Għal darb’oħra, hawnhekk mhux qegħdin nikkonċernaw ruħna jekk tali deċiżjonijiet kienu tajbin jew ħżiena, iżda jekkx setax jinfetaħ il-każ jew le.

Hu inkonsistenti mal-prinċipji tas-saltna tad-dritt, li ċertu atti amministrattivi li jirrigwardjaw lil kulħadd b’mod ugwali, jiġu eżentati mill-istħarriġ ġudizzjarju u għaldaqstant l-illegalità titħalla tirrenja b’impunità.

Fl-Abbozz ta’ Liġi qegħdin nipproponu li kull min juri interess rappreżentattiv, bħal pereżempju l-NGOs, ikollhom id-dritt tal-istħarriġ ġudizzjajrju u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fl-infurzar tal-Liġi.

Kawża ta’ stħarriġ ġudizzjarju trid tinfetaħ fi żmien sitt xhur minn meta l-att amministrattiv jkun finali u deċiżiv. Dawn is-sitt xhur ma jistgħux jiġu interrotti bl-ebda mod u jekk jgħaddu ma tkunx tista’ tmexxi l-kawża ’l quddiem, qal Andrew Drago.

Hu żied li din ħolqot sitwazzjoni konflinġenti mal-Uffiċċju tal-Ombudsman, għaliex ftit huma dawk li jirriskjaw jitilfu l-kawża tagħhom fil-Qorti sakemm jistennew ir-rakommandazzjoni tiegħu. Hekk jew b’hekk, l-Ombudsman rakkommandazzjonijiet biss jagħti u għaldaqstant, m’hemmx obbligu fuq il-Gvern li jimplimenta r-rakommandazzjonijiet tiegħu.

Minkejja l-fatt li l-maġġoranza tar-rakkommandazjonijiet tal-Ombudsman huma implimentati, xorta ħadd ma jkun komdu jitlef ir-rimedju ġudizzjarju u dan aġevolat bil-fatt li l-Ombudsman, fil-maġġoranza tad-drabi, idum iktar minn sitt xhur biex joħroġ b’rakkommandazzjoni.

B’hekk, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jinsab imdgħajjef minħabba li l-Liġi ma tinċentivax li persuni jirreferu l-kawżi tagħhom għand l-Ombudman. Barra minn hekk, il-Liġi tal-Ombudsman tobbligah li meta xi każ li jkun qiegħed jaħdem fuqu jispiċċa fil-Qorti, l-Ombudman ikun obbligat li ma jkomplix jinvestiga u r-rakkommandazzjoni qatt ma tingħata.

Dan iffisser li kien hemm diversi istanzi fejn persuna tirrikorri għand l-Ombudsman, iżda meta tara li l-ħin għaddej u hemm ċans li titlef ir-rimedju ġudizzjajrju, tiftaħ il-kawża xorta waħda minkejja il-proċess pendenti quddiem l-Ombudman.

Andrew Drago fisser li l-Ombudman ikun għaldaqstant tilef ix-xogħol kollu li jkun għamel fuq il-każ għaliex ikun obbligat li jieqaf. L-Għaqda Studenti tal-Liġi tisħaq li l-Liġi għandha tinkoraġixxi liċ-ċittadin jirrikorri għand l-Ombudman.

Is-servizz tal-Ombudman huwa wieħed b’xejn u effiċjenti u li ħafna drabi iwassal għall-ftehim bejn il-Gvern u ċ-ċittadin mingħajr l-ispejjeż u d-diffikultajiet li jġibu magħhom proċessi ġudizzjarji. Għaldaqstant, l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jipproponi li, iż-żmien fejn individwu huwa mistenni jiftaħ kawża jiġi sospiż meta dak il-persuna tirreferi l-każ tiegħu għand l-Ombudman. Iż-żmien biex tressaq il-kawża jerġa’ jissokta meta l-Ombudman joħroġ ir-rapport finali tiegħu. Barra minn hekk qegħdin nipproponu li ż-żmien jiġi estiż minn sitt xhur għal sentejn u dan biex ikun jaqbel ma’ liġijiet oħrajn.

Il-Gvern, neċessarjament, għandu diversi setgħat li jeżerċità fl-Amministrazzjoni tal-pajjiż. Dawn is-setgħat għandhom jiġu mħaddma b’mod li jirrapreżenta l-politika ta’ dak il-Gvern kif riflessa mill-mandat elettorali.

Però jrid dejjem jitqiegħed quddiem għajnejn l-Eżekuttiv, li dawn is-setgħat huma mogħtija f’kuntest ta’ demokrazijja irregolata mil-Liġi.

Għaldaqstant, minkejja li l-istħarriġ ġudizzjajrju jagħti liċ-ċittadin id-dritt li jikkontesta l-atti tal-Gvern li jaggravawh, jagħti l-opportunità l-Gvern li jivverifika li huwa qiegħed iwettaq il-mandat tal-poplu b’mod ġust u legali.

Liġi ta’ stħarriġ ġudizzjarju b’saħħitha u aċċessibbli, bħal dik li qed tipproponi l-Għaqda Studenti tal-Liġi, tagħti mhux biss għodda legali liċ-ċittadin biex jiżgura id-drittijiet tiegħu, iżda ssaħħaħ l-kredibbilità tal-Amministrazzjoni Pubblika li jkollha l-opportunità tirrevedi l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-poplu biex tkun dejjem fin-naħa t-tajba tal-Liġi. Dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa pass importanti għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, temm Andrew Drago.