Iżrael u l-Palestinjani fl-aħħar sigħat komplew jeħilsu lill-ostaġġi u priġuniera meta l-jum tal-Ħadd hu t-tielet jum indikat għall-ħelsien ta’ persuni miżmuma mill-Iżraeljani u l-grupp Ħamas…Skambju li qed isir skont il-ftehim temporanju għall-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq jiem ilu bl-intervent u medjazzjoni tal-Qatar.
Il-grupp tal-Ħamas, fl-aħħar sigħat, ħeles lil 14-il ostaġġ Iżraeljani, inklużi disat itfal, waqt li trasferixxa tliet barranin lir-rappreżentanti tas-Salib l-Aħmar.
Iżrael irreċiproka bil-ħelsien ta’ 39 priġuniera, inklużi nisa, li kienu ilhom miżmuma l-ħabs u fost tamiet li l-iskambju tal-priġunieri u l-ostaġġi jkompli anki t-Tnejn – li hu r-raba’ (u suppost l-aħħar) jum tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied milħuq bejn Iżrael u t-terroristi tal-Ħamas f’Gaza.
Madankollu l-Iżraeljani ftit taw indikazzjonijiet li pajjiżhom għandu jestendi l-waqfien mill-ġlied meta l-ftehim mistenni jiskadi f’xi ħin qabel sbieħ it-Tlieta.
It-terroristi tal-Ħamas kienu ħatfu l-għexieren tal-priġunieri waqt l-attakki qattiela storiċi tas-7 ta’ Ottubru fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani ‘il hinn mill-fruntiera ta’ Gaza. Intant, il-Ħamas, fl-aħħar tlett ijiem dejjem ħeles nimru ta’ ostaġġi, b’Iżrael iżomm mal-obbligi biex jeħles il-Palestinjani mill-ħabsijiet skont il-kriterji tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.
Nhar is-Sibt, il-Ħamas kien ħeles 13-il ostaġġi oħra, bl-Iżraeljani jagħtu l-libertà lil 38 priġunieri oħrajn. U nhar il-Ġimgħa, 24 ostaġġi – 13-il Iżraeljan, għaxar Tajlandiżi u raġel Filippin – irritornaw lura f’Iżrael minn Gaza u f’liema jum ukoll inħelsu l-ewwel grupp ta’ 39 priġuniera Palestinjani.
It-total tal-ostaġġi meħlusa mill-Ħamas għall-aħħar tlett ijiem hu ta’ 54 — b’Iżrael jeħles 117-il priġuniera mill-ħabsijiet tiegħu.
//= $special ?>