Internazzjonali

Iżrael-Gaza: Stennija għall-ħelsien ta’ aktar ostaġġi fost il-waqfien mill-ġlied

Iżrael u l-Palestinjani qed jittamaw li jilqgħu lura aktar ostaġġi u priġunieri miżmuma mill-Iżraeljani u l-grupp Ħamas…Dan dejjem skont il-ftehim temporanju għall-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq jiem ilu bl-intervent u medjazzjoni tal-Qatar.

Madankollu, ftit hemm indikazzjonijiet li Iżrael għandu jestendi l-waqfien mill-ġlied meta l-ftehim mistenni jiskadi f’xi ħin bejn illum, it-Tnejn u t-Tlieta.

It-terroristi tal-Ħamas kienu ħatfu l-għexieren tal-priġunieri waqt l-attakki qattiela storiċi tas-7 ta’ Ottubru fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani ‘il hinn mill-fruntiera ta’ Gaza.

U waqt li numru ta’ familji Iżraeljani qed jiċċelebraw ir-ritorn tal-għeżież tagħhom,  il-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu qed jagħmilha ċara li wieħed, ‘il quddiem, għandu jistenna t-tieni fażi tal-kampanja militari intiża għall-eliminazzjoni tal-Ħamas u, konsegwentement, tat-theddida terroristika fuq l-għatba ta’ Iżrael.

Sadanittant, hemm stennija għall-ħelsien ta’ aktar ostaġġi Iżraeljani li qed jinżammu mill-Ħamas fi kwartieri sigrieti u qalb il-mini ta’ taħt l-art ta’ Gaza. Madankollu mhux magħruf il-ħin meta dawn jistgħu jingħataw il-libertà.

S’issa nħelsu 26 ostaġġi Iżraeljani  — kollha nisa u tfal – bħala parti mill-ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas. Dan meta madwar 80 priġuniera Palestinjani wkoll inħelsu mill-ħabsijiet ta’ Iżrael f’perjodu ta’ jumejn. Sadanittant, 14-il-ostaġġi Tajlandiżi u raġel Filippin inħelsu mill-Ħamas bħala parti minn ftehim separat bejn dan il-grupp ta’ Palestinjani armati u l-Gvern tal-Eġittu.

Hu minnu wkoll li l-poplu ta’ Gaza, bħalissa, qed jipprova jiggwadanja kemm jista’ mill-kwiet relattiv li deher li kien qed iżomm grazzi għall-ftehim. Dan meta l-poplu kien ilu jbati ġimgħat sħaħ ta’ bumbardamenti u azzjonijiet oħrajn ħorox fost l-assedju tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-Ħamas…Azzjonijiet li fihom inqatlu viċin il-15,000 resident ta’ Gaza – terroristi u daqstant ieħor ċivili.

B’kollox – u skont l-ewwel fażi tal-ftehim – it-total tal-meħlusa għandhom jammontaw għal 50 minn fost l-ostaġġi Iżraeljani u 150 fost il-priġuniera miżmuma minn Iżrael.

Il-Gvern Iżraeljan, issa, irċieva lista bl-ismijiet tal-ostaġġi li kellhom jinħelsu fis-sigħat sussegwenti, madankollu, l-awtoritajiet u l-familji f’Iżrael huma xorta inkwetati dwar xi intoppi li jistgħu jostakolaw u jitfgħu lura l-proċess.