Lokali

Jitnieda l-proċess ‘Knisja li toħroġ’ fl-Assemblea Djoċesana 2023

L-Arċidjoċesi ta’ Malta nediet ir-raba’ sena tal-proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Knisja li Toħroġ’.

Dan sar waqt l-Assemblea Djoċesana annwali li ġiet fi tmiemha l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru 2023. Matul l-Assemblea, iI-grupp ta’ ħidma ta’ Knisja li Takkumpanja ta rendikont dwar xogħlu fejn ħass li jeħtieġ ikun hemm iktar għarfien fost l-entitajiet tal-Knisja stess kif ukoll li jissaħħaħ ix-xogħol ta’ akkumpanjament li diġà jsir minnhom permezz ta’ formazzjoni. Għalhekk, flimkien mal-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali (PFI), il-grupp ħadem biex jipprovdi taħriġ adegwat għal dawk li qed jipprovdu akkumpanjament. Il-grupp ħadem ukoll fuq il-website akkumpanjament.knisja.mt li għandha sservi bħala direttorju ta’ servizzi
eżistenti fl-akkumpanjament, immirata l-iktar għal min jaħdem fil-pastorali.


Barra minn hekk instemgħu għadd ta’ esperjenzi marbuta mal-akkumpanjament taż-żgħażagħ, inkluż l-akkumpanjament li sar ma’ grupp miż-żgħażagħ li marru jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ flimkien mal-Papa Franġisku. Esperjenza oħra kienet minn voluntiera li taħdem ma’ Il-Kċina ta’ Marta, fejn semmiet kif il-voluntiera qed jipprovdu kelma ta’ faraġ lin-nies li jitqassmilhom l-ikel.


L-Assemblea nfetħet mill-Isqof Joseph Galea-Curmi fejn semma kif l-għeruq tal-Assemblea nibtu 20 sena ilu kif intemm is-Sinodu Djoċesan f’Malta, bil-għan li titkompla l-esperjenza ta’ sinodalità. “F’Malta dak li għexna aktar minn 20 sena ilu l-Papa Franġisku qed jipproponih għall-Knisja kollha universali.”
L-Isqof Awżiljarju spjega kif matul is-sena li ġejja l-Knisja f’Malta se tiffoka biex oqsma differenti fil-Knisja f’Malta jkollhom “inizjattivi kreattivi u siewja li jkunu frott ta’ dixxerniment”. Ħeġġeġ ukoll il-parteċipazzjoni f’dan il-parti tal-proċess biex “inkunu Knisja ħajja, Knisja li tagħraf il-missjoni tagħha u taqdiha b’ħeġġa u b’ġenerożità fid-dinja tal-lum”.


Nadia Delicata, Delegat għall-Evanġelizzazzjoni u l-persuna responsabbli mill-grupp ta’ ħidma ta’ ‘Knisja li Toħroġ’, spjegat kif din is-sena qed issir proposta lill-oqsma kollha fil-Knisja biex iħarsu lejn ir-realtà tagħhom mill-ġdid ħalli jagħrfu l-prijoritajiet ta’ fejqan li l-poplu tal-Knisja jeħtieġ. Hi qalet li dan hu proċess ta’ riflessjoni u dixxerniment miftuħ għal komunitajiet sħaħ bħalma huma l-parroċċi, movimenti, skejjel jew entitajiet oħra.Delicata stednithom iwieġbu mistoqsijiet diffiċli biex jibdew il-proċess li jgħinhom jiġġeddu u jilħqu iktar nies bħalma bdew jagħmlu l-iskejjel tal-Knisja, li diġà bdew proċess twil ta’ tiġdid u dixxerniment biex jifhmu aħjar il-missjoni tagħhom illum.

L-Assemblea Djoċesana ntemmet b’messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna. Hu spjega li l-Knisja toħroġ u tilħaq lin-nies għax hi mibgħuta u anke għax il-missjoni hi intrinsika għaliha. Iżda biex tagħmel dan, qal l-Arċisqof, il-Knisja trid toħroġ “mill-fosqda” fejn tinsab komda ħafna u li tibża’ toħroġ minnha. “Hi stedina ta’ riskju u vulnerabbiltà kbira imma wkoll ta’ twelid; wara kollox it-tarbija trid toħroġ mill-ġuf ta’ ommha.”

Saħaq li hu proċess li jitlob umiltà, djalogu u kuraġġ biex taffaċċja d-diffikultajiet li jġib proċess bħal dan. L-Arċisqof qal li fuq kollox, dan hu proċess li jżomm lil Ġesù fiċ-ċentru tiegħu għax wara kollox hu għamilna appostli u qed jibgħatna f’ismu.

Madwar 200 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall-Assemblea fis-sala taċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara.