L-omiċidju ta’ mara żgħażugħa – studenta tal-università – kellu jwassal għall-akbar dimostrazzjonijiet fl-istorja kontra l-vjolenza fuq in-nisa u fejn l-għexieren tal-eluf tan-nies preżenti għajjtu b’leħen wieħed biex il-Gvern idaħħal aktar liġijiet li jrażżnu l-abbuż li qed isir dejjem aktar frekwenti.
Il-vittma — Giulia Cecchettin – allegatament inqatlet brutalment mill-eks-sieħeb tagħha, jiem biss qabel jum il-gradwazzjoni.
Intant, il-folol tad-dimostranti mlew l-ibliet ta’ Milan u Napli waqt li dimostranti oħrajn litteralment ipparalizzaw iz-zoni ċentrali ta’ Ruma.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Italja, Sergio Mattarella, qal li l-pajjiż mhux se jittollera l-qtil tan-nisa u li l-istejjer xokkanti dwar l-aħħar reat servew ta’ theżżiża għall-kuxjenza nazzjonali.
Hu kompla li l-vjolenza fuq in-nisa hi indikazzjoni ċara ta’ soċjetà falluta – bl-aħħar data mill-Gvern tikkonferma li, din is-sena, inqatlu 106 nisa fl-Italja – 55 minnhom taħt idejn l-irġiel sieħba jew eks-sieħba.
Intant, ir-rabja hi kbira fost il-pubbliku, bl-istorja traġika ta’ Giulia Cecchettin – li kellha tiggradwa mill-Università ta’ Padova — tingħata prominenza anki ‘il hinn mill-Italja.
Fi tmiem il-ġimgħa, fl-Italja, saru diversi avvenimenti li kienu jinkludu purċissjonijiet, marċijiet u sit-ins biex iqajjmu kuxjenza dwar il-vjolenza tal-irġiel fuq in-nisa. Missier Giulia, Cecchettin, intant, wassal messaġġ ta’ tama ‘li l-mewta ta’ bintu tixpruna inizjattivi aktar effettivi biex jevitaw aktar niket għall-familji tal-vittmi’.
Il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, esprimiet ‘rabja personali’ għall-istorja ta’ vjolenza fil-konfront tan-nisa f’pajjiżha waqt li wiegħdet biex tintroduċi kampanja ġdida fl-iskejjel biex teduka lill-istudenti ħalli jeliminaw il-kultura ‘pjuttost antika’ ta’ misoġiniżmu u vjolenza domestika
L-aħħar sigħat traġiċi…
Giulia Cecchettin sparixxiet fil-11 ta’ Novembru waqt li kienet fil-kumpannija tal-eks sieħeb, Filippo Turetta, u meta hi suppost li kellha tixtri l-libsa għall-gradwazzjoni.
Intant, il-filmati meħudin mis-CCTV urew lil Turetta qed isawwat lil Cecchettin f’sit għall-parkeġġ viċin id-dar tagħha f’Vigonovo, fil-limiti ta’ Venezja. Il-katavru tal-vittma kien instab mitluq f’gandott xi sigħat wara.
Filippo Turetta spiċċa arrestat fil-Ġermanja wara li l-pulizija ħarġet mandat għall-arrest tiegħu fuq bażi internazzjonali. Hu rritorna pajjiżu nhar is-Sibt u mistenni li jitressqu akkużi formali ta’ omiċidju fil-konfront tiegħu,.
Turetta qed jinżamm f’kumpless ta’ ħabs f’Verona u meta għada, it-Tlieta, għandu jkun preżenti għal smigħ preliminari fl-awla ta’ qorti.
//= $special ?>