Kummerċ Lokali Transport

Miriam Dalli u Aaron Farrugia jivvutaw favur direttiva li thedded ix-xogħol u d-dħul tal-ħaddiema tal-Freeport Malti

Il-Ministri Miriam Dalli u Aaron Farrugia fil-Kabinett ta’ Robert Abela vvutaw favur direttivi tal-Unjoni Ewropea li se jkollhom effett negattiv fuq il-Freeport, fuq il-ħaddiema tal-Freeport u fuq mijiet ta’ familji oħrajn li l-għajxien tagħhom, indirettament, jiddependi mix-xogħol tal-Freeport.

Kollox jindika li meta vvutaw għal favur dawn id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, fil-fatt il-Ministri Laburisti Miriam Dalliu Aaron Farrugia anqas biss kienu jafu x’qegħdin jagħmlu; anqas biss kienu jafu l-impatt li se jħallu dawn id-direttivi fuq il-Freeport Malti u fuq l-industrija marittima Maltija.

Tajjeb li jingħad li dawn id-direttivi jaħsbu biex mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla jiddaħħlu fis-seħħ liġijiet u regolamenti fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li sa seba’ snin oħra l-emissjonijiet jonqsu b’55 fil-mija. Dan se jwassal, fost oħrajn, biex tkun introdotta taxxa ġdida għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li jpattu għall-emissjonijiet tagħhom.

Grazzi għall-vot favur mill-Ministri Laburisti Miriam Dalli u Aaron Farrugia tajjeb li jingħad li skont sorsi mill-Freeport u mill-Malta Maritime Forum hemm qbil bejniethom li s-settur marittimu se jintlaqat ħażin bl-introduzzjoni ta’ dawn ir-regolamenti ġodda, anki għaliex bastimenti se jkunu qegħdin iħottu l-merkanziji tagħhom f’portijiet oħrajn lil hinn mill-Unjoni Ewropea bl-iskop li jiffrankaw l-ispejjeż kieku kellhom jibqgħu jħottu l-merkanziji tagħhom f’Malta u f’portijiet oħrajn f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Dan ix-xenarju jista’ jwassal biex jintlaqtu ħażin il-Freeport u ħaddiema li jiddependu mis-settur. Dan filwaqt li mill-futur immedjat l-konsumatur jidher li se jkompli jitgħabba bi spejjeż addizjonali billi jkollu jagħmel tajjeb għal ħlas ta’ din it-taxxa li hi stmata li tlaħħaq il-€25 aktar għal kull container.

Dawn huma wħud mir-reazzjonijiet li ġbarna dwar din il-kwistjoni delikata:

Tħassib serju u ġust fost il-ħaddiema tal-Freeport – Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol u s-Settur Marittimu

Mill-1 ta’ Jannar tal-2024 se jiddaħħlu fis-seħħ liġijiet u regolamenti fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li sa seba’ snin oħra l-emissjonijiet jonqsu b’55 fil-mija. Dan se jwassal, fost oħrajn, biex tkun introdotta taxxa ġdida għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjni Ewropea bl-iskop li jpattu għall-emissjonijiet tagħhom.

Fil-fatt mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, il-vapuri ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5,000 u aktar, li jivvjaġġaw minn u lejn portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, se jkunu meħtieġa li jixtru u jċedu kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra applikabbli tal-ETS fuq bażi annwali.

“L-ankri tagħna jeħtieġ li jkunu b’saħħithom biex jifilħu l-pressjonijiet u fl-istess ħin reżiljenti biex jadattaw għall-isfidi. Aħna nirrispettawha lill-ambjent. Aħna nirrispettawha għas-sigurtà tal-ħajja. Aħna nirrispettawha għall-ġid tal-baħħara. Aħna nirrispettawha lill-għajxien tal-ħaddiema tagħna u n-nies tagħna. Miżuri ġodda, minkejja li huma maħsuba sew, ma jistgħux iwasslu għal soluzzjonijiet paradossali.”

Malta ma tistax tistenna xhur, anke l-iċken impatt negattiv jista’ jdaħħal l-ekonomija tagħna fl-art b’żieda impatt negattiv fuq il-

konsumaturi bi prezzijiet u inflazzjoni dejjem tiżdied, ir-riskju reali li nitilfu l-vantaġġ kompetittiv tagħna, għandna bżonn azzjoni ta’ rimedju immedjata. Kemm l-awtoritajiet kif ukoll l-industrija għandhom dejjem ikunu viġilanti biex jipproteġu kemm l-ambjent kif ukoll l-għajxien taċ-ċittadini, temm Ivan Castillo.

Ministri tal-Gvern Malti vvutaw favur id-direttivi – Peter Agius, Kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-MEPs

Peter Agius qal li tajjeb li wieħed japprezza li fil-Freeport, b’mod dirett, hemm jaħdmu mal-1,000 ħaddiem, filwaqt li l-Freeport iħaddem indirettament ukoll aktar minn 2,000 ħaddiem li jiddependu mill-operat tiegħu. Il-Freeport jikkontribwixxi wkoll għal tnejn fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku Malti.

Iżda mingħajr ma jafu l-Maltin u l-Għawdxin, għadha kemm daħlet direttiva Ewropea li se tkun qegħda taffettwa b’mod negattiv l-operat tal-istess Freeport Malti.

Din id-Direttiva Ewropea dwar l-Emission Trading Scheme ddaħħal il-kunċett li bastiment iħallas għat-tniġġiż li jagħmel fil-baħar. Din hi ħaġa tajba, imma issa x’se jiġri?

Issa kollox jindika li bħal donnu l-Gvern dwar din il-ħaġa rrealizza tard wisq. Se jiġri li ħafna mill-kummerċ tal-Freeport Malti qiegħed jirriskja li jmur Port Said u f’portijiet oħrajn fil-Eġittu u fil-Marokk.

Dan għaliex il-bastimenti, biex jiffrankaw il-flus, se jaraw kif se jibbajpasjaw l-obbligi tal-Unjoni Ewoprea u l-kumpaniji marittimi se jaraw jekk flok jużaw il-faċilitajiet li għandna f’Malta jużawx portijiet oħrajn f’pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea.

Din is-sitwazzjoni hi waħda tat-tħassib għall-Freeport Malti, għas-settur marittimu Malti u għall-ħaddiema u l-familji li d-dħul tagħhom jiddependi mix-xogħol tal-Port Ħieles… “iżda jien nemmen li din is-sitwazzjoni aħna stajna evitajniha.

“Kif Miriam Dalli u Aaron Farrugia, fil-Kunsill tal-Ministri, ivvutaw favur dawn id-direttivi? Bħal donnhom li anqas kienu jafu biss l-impatt li se jħallu dawn id-direttivi fuq il-Freeport Malti u fuq l-industrija marittima Maltija.”

Peter Agius qal li hu jemmen li hemm bżonn li jkollna diskussjoni ferm aktar wiesa’ dwar kif l-Ewropa qegħda taffettwa lil Malta u kif irridu naddattawha biex aħna nġibu benefiċċju akbar u ma nsofrux l-

impatt fejn ikun hemm bidliet ġodda fuq l-ekonomija Maltija u fuq l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Nuqqas ta’ konsultazzjoni xierqa – Godwin Xerri, iċ-Chairman tal-Malta Maritime Forum

Dwar dan ix-xenarju Godwin Xerri, iċ-Chairman tal-Malta Maritime Forum, kien ikkwotat jgħid li f’dan ir-rigward, bir-regolamenti li se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar li ġej linji ta’ tbaħħir li jużaw portijiet Ewropej se jkollhom iħallsu taxxa tal-emissjonijiet. Skont ix-xejriet tax-xogħol bħalissa, it-taxxa se tiswa lil kull linja tat-tbaħħir bejn €15 u €30 miljun fis-sena.

Filwaqt li qal li meta dawn ir-regolamenti kienu qegħdin ikunu diskussi fil-Parlament Ewropew ma kienx hemm konsultazzjoni biżżejjed mas-settur marittimu, Godwin Xerri fisser li issa li ġejna fil-fażi tal-implimentazzjoni ħarġet ċara li sar investiment f’terminals oħrajn barra mill-Ewropa, fil-qrib ta’ Malta, u dawn qegħdin jagħmlu l-preparamenti tagħhom biex minflok jagħmlu t-transhipment f’portijiet Ewropej bħal Malta, Gioia Tauro, ikunu jistgħu jagħmlu t-trasbord tagħhom f’portijiet mhux Ewropej.

Barra minn dan ix-shipping lines ħabbru sensiela ta’ miżati li se jibdew mill-1 ta’ Jannar ta’ xi €25 għal kull container li din tfisser li l-prezz se jgħaddi kollu għand il-konsumatur u se jkun hemm inflationary pressures.

Godwin Xerri kien ikkwotat jgħid ukoll li jekk bastiment ma jidħolx fil-Port, se jintilfu sensiela oħra ta’ servizzi marittimi li minnhom jaqilgħu l-għajxien tagħhom diversi ħaddiema.

“Aħna ġejna murijin mudelli ekonomiċi tax-shipping lines stess kif dawn meta jkunu ġejjin mill-Punent estrem u llum jieqfu Malta, jistgħu jieqfu f’portijiet qrib ta’ Malta, jagħmlu trasbord hemm, u mbagħad jaqbżu kompletament u jibqgħu sejrin.

“Din allura tfisser li la l-vapuri se jibqgħu għaddejjin mill-Mediterran, il-kwistjoni tal-emissjonijiet u l-għan tal-emissjonijiet li l-Ewropa għamlet bħala l-objettiv tagħha, mhux se jintlaħaq żgur għax l-emissjonijiet hemm se jibqgħu,” kien ikkwotat jgħid Godwin Xerri.

Talba għal reviżjoni lill-Parlament Ewropew – Alex Montebello, il-Kap Eżekuttiv tal-Freeport

Fil-Freeport bħalissa qed jidħlu mal-2,400 bastiment fis-sena u dwar dan ix-xenarju Alex Montebello, il-Kap Eżekuttiv tal-Freeport, kien ikkwotat jgħid li “l-Freeport jaqbel li l-Unjoni Ewropea timplimenta pjani ta’ dekarbonizzazzjoni, però dawn għandhom iħarsu l-portijiet tan-Nofsinhar tal-Ewropa.

“It-talba min-naħa tal-Freeport u ta’ portijiet oħra li qegħdin fl-istess sitwazzjoni tagħna hija li għalissa jitwaqqaf il-proċess sakemm isiru aktar diskussjonijiet biex tiġi salvagwardjata kompetittività tal-portijiet li qed jaħdmu fin-naħa t’isfel tal-Ewropa għal xogħol ta’ transhipment.”

Hu kien ikkwotat jgħid ukoll li “l-gvernijiet ta’ Malta, il-Portugall, Spanja, l-Italja, il-Greċja, Ċipru u l-Kroazja kitbu lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissarji Ewropej ikkonċernati fejn sejħu għal reviżjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Talbu wkoll li tiddaħħal il-klawżola msejħa “Stop the Clock” li biha l-Unjoni Ewropea tkun imġiegħla tirrikunsidra dak li diġà għadda mill-Parlament Ewropew. Soluzzjonijiet differenti li qed jissemmew minn Malta u mill-pajjiżi l-oħra li se jkunu milquta mit-taxxa fuq l-emissjonijiet tal-vapuri jinkludu li minflok tidħol taxxa fuq iż-żejt, jew taxxa fuq kull vjaġġ li jsir mil-linja tat-tbaħħir.”