Il-Moviment Graffitti flimkien ma’ Young Progressive Beings u MGRM organizzaw mixja bħala protesta kontra l-vjolenza kontra n-nisa, dan hekk kif is-Sibt hija l-ġurnata internazzjoanli għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa.
Din il-protesta, li bdiet minn Pjazza Tritoni, saret bil-għan illi tiżdied il-kuxjenza fuq il-vjolenza kontra n-nisa, il-bniet, persuni trans u non-binary fis-soċjetà Maltija.
Il-25 ta’ Novembru hija l-ġurnata internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, bit-tema ta’ din is-sena tkun ir-reżistenza tal-kultura vjolenti…kultura li kienet tinormalizza l-vjolenza fiżika, sesswali, ekonomika u psikoloġika lura fl-1970.
Moviment Graffitti, fi stqarrija tagħhom spjegaw li l-vjolenza kontra n-nisa għadha tippersisti sal-lum, moħbija f’kumplimenti u ċajt li jinfiltraw il-ħajja ta’ kuljum f’soċjetà illi tippermettihom.
Huma fakkru wkoll illi dan ħareġ ċar l-Erbgħa li għadda meta pajjiżna fakkar lill-Bernice Cassar nee Cilia, l-omm illi inqatlet kiesaħ u biered is-sena li għaddiet, l-ewwel vittma minn meta ddaħħal il-femiċidju f’Malta. Każ illi wera l-falliment tal-awtorijiet f’pajjiżna, u li minkejja dan, xorta għad hemm 2,200 każ pendenti ta’ vjolenza domestika fil-Qorti.
Fid-diskorsi li saru matul il-protesta, kollha tennew illi ir-reżistenza għall-kultura ta’ vjolenza teħtieġ azzjoni illi teqred l-idea illi persuna tkun trattata ħażin jew bħala oġġett abbażi tal-ġeneru jew orientazzjoni sesswali tagħha u għalhekk, huwa meħtieġ illi jinkixfu u jiġu sfidati l-fatturi kollha soċjali u kulturali illi jippermettu dawn l-inġustizzji fis-soċjetà Maltija.
Preżenti għal din il-mixja kienet il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.
//= $special ?>