Fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument residenti f’Ħad-Dingli li wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li qiegħed jissokta jsir żvilupp illegali u bla permess ta’ strutturi fl-inħawi ta’ Triq il-Lhudi.
Dawk li tkellmu ma’ Il-Mument fissrulna li huma ilhom qatigħ jiġbdu l-attenzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar għal dak li qiegħed isir f’medda ta’ għelieqi f’din it-triq partikulari, iżda għal xi raġuni l-Awtorità tal-Ippjanar mhix tintervjeni kemm biex ix-xogħlijiet jitwaqqfu u wkoll biex ix-xogħlijiet bla permess li laħqu saru jew ikunu regolarizzati jew inkella jitneħħew għalkollox.
Dawn ir-residenti fissrulna li minkejja r-rapporti persistenti tagħhom dwar dawn ix-xogħlijiet illegali, min qiegħed jagħmilhom qiegħed jissokta jiżviluppa aktar strutturi u ġiebji bla permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Filwaqt li qalulna li dwar dan it-tħassib infetaħ rapport bin-numru ECF124/20, l-istess residenti wrew id-dispjaċir tagħhom għall-fatt li quddiem l-ilmenti tagħhom l-Awtorità tal-Ippjanar baqgħet ma għamlet assolutament xejn milli twaqqaf l-illegalitajiet hekk kif bdew isiru biex issa l-istrutturi bla permessi qegħdin ikomplu jiżdiedu.
//= $special ?>