“Se nibqgħu ninvestu f’dan il-pajjiz, fit-tfal tagħna, fiż-żgħażagħ tagħna sabiex nagħtuhom futur aħjar f’pajjiżna bi kwalità ta’ ħajja aħjar”
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika li ġiet organizzata fl-Isla bit-tema ‘Ħajja aħjar f’pajjiżna’, fejn insista li l-viżjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista hija msejjsa fuq mudell ekonomiku ġdid bbazzat fuq 4 pilastri; amministrazzjoni ambjentali, responsabbiltà soċjali, governanza tajba u prosperità ekonomika.
Intant, Bernard Grech insista li l-edukaturi f’pajjiżna mhux qed jiġu stmati biżejjed. Dan apparti li ma jitħalsux għal-ħin li jqattgħu wara l-ġurnata tax-xogħol tagħhom jippreparaw għal lezzjonijiet tal-għada.
Bernard Grech insista li numru kbir ta’ għalliema mhux qed ikollhom għażla oħra ħlief li jsibu impjieg ieħor minħabba li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi dejjem sejrin lura.
Dan filwaqt li Bernard Grech tkellem ukoll fuq is-settur tal-ġustizzja, l-istess wieħed li fost oħrajn falla lil Bernice Cilia, hekk kif ftit tal-jiem ilu tfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt kiefra ta’ din l-omm li spiċċat vittma ta’ vjolenza domestika.
Il-Kap tal-PN saħaq li s-sitwazzjoni fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna qed tkompli tiggrava b’mijiet ta’ kawżi ta’ vjolenza domestika fost oħrajn qegħdin jieħdu sena u nofs, sentejn sabiex jibdew jinstemgħu, minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji.
Bernard Grech insista li l-Gvern mmexxi minn Robert Abela mhux jinvesti bizejjed fis-sistema tal-ġudikaturi għaliex m’għandux pjan, u għall-Partit Nazzjonalista din is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli f’soċjetà mibnija fuq is-Saltna tad-Dritt, għaliex din is-sitwazzjoni qed tikser id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-ġustizzja.
//= $special ?>