Il-Ħadd filgħodu, ir-residenti tal-Qrendi, tal-Imqabba u ż-Żurrieq inġabru quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi sabiex jopponu l-applikazzjoni ta’ żvilupp ta’ impjant tal-produzzjoni tat-tarmak, qatran u konkos fuq art li qabel kienet barriera – f’art ODZ fl-Imqabba.
Aktar kmieni dan ix-xahar kumpanija privata ppropponiet li impjant tat-tarmak f’Ħal Far jiġi rilokat fuq din l-art magħrufa bħala Xagħri Mqalleb fl-Imqabba.
Waqt protesta paċifika li bdiet mill-Pjazza tal-Qrendi u kompliet b’mixja sal-Knisja ta’ San Mattew tal-Maqluba, r-residenti saħqu li għandhom jiġu fuq quddiem u jkollhom vuċi b’saħħitha kontra deċiżjonijiet li jitfgħu lura l-kwalità tal-ħajja, filwaqt li għamlu referenża għall-impjant tat-tarmak li sar fl-Iklin u li qed iniġġes l-arja u jagħmel ħafna storbju b’detriment għar-residenti kollha tal-lokal u anka għar-residenti ta’ San Ġwann.
Ir-residenti li attendew insistew li dan l-impjant m’għandux jiġi rilokat f’din iz-zona. Dan hekk kif il-proġett qiegħed jiġi propost 500 metru biss ‘l bogħod mill-eqreb żona residenzjali – u apparti li dan hu proġett li jhedded l-ambjent ta’ din iż-żona ambjentali – ser ikun ta’ dannu għas-saħħa tal-familji u r-residenti.
Minn naħa tiegħu, is-Sindku Laburista tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi David Michael Schembri qal li bħala Kunsill kien mill-bidu nett kontra dan il-proġett u se jieħu l-passi kollha neċessarji li hemm bżonn sabiex din l-applikazzjoni tiġi rtirata immedjatament fl-interess tar-residenti tal-lokalitajiet kollha milquta b’dan il-propost proġett.
Preżenti għal din il-protesta kien hemm deputati tal-Partit Nazzjonalsita, kandidati għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej, Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista u anka kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli Lokali.
//= $special ?>