Id-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew reġgħet kompliet tikser ir-rekords fil-konfużjoni hekk kif rapport tal-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer ma sab ebda appoġġ minn sħabu fil-vot finali.
Minkejja li r-rapport ta’ Cyrus Engerer kien approvat, il-prosit ma ħadha minn ebda kollega tiegħu fil-Partit Laburista stess, għaliex mill-kumplament tad-delegazzjoni ta’ erbgħa, ebda minnhom ma vvutawx favurih.
F’intervent qabel il-vot, Cyrus Engerer appella lil Parlament kollu biex jappoġġjaw ir-rapport tiegħu… – appell li waqa’ fuq widnejn torox fil-Partit Laburista. “Permezz tal-vot, se naraw jekk naqblux dwar l-eżistenza tal-proġett Ewropew jew le,” stqarr Cyrus Engerer. “Inħeġġeġ lil kulħadd jivvota favur illum.”
Cyrus Engerer iddeskriva l- favur ir-rapport tiegħu bħala turija pożittiva għas-saltna tad-dritt u għat-twemmin fil-proġett Ewropew. Forsi għalhekk ma kienx ta’ tant sorpriża li Alfred Sant ma ddejjaq xejn imur kontra l-pożizzjoni tar-rapport ta’ Cyrus Engerer.
“Mhuwiex ovvju li aħna lkoll, ħlief l-estremisti tal-lemin, naqblu fuq il-primat tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?” staqsa Cyrus Engerer qabel il-vot.
Donnu ma kienx ovvju għal sħabu tad-delegazzjoni Laburista, li ppreferew jingħaqdu mal-minoranza tal-lemin estremisti milli miegħu.
Din l-informazzjoni ttieħdet mir-rekords uffiċjali tal-Parlament Ewropew li juru li ebda Deputat Ewroparlamentari Laburista ma vvuta favur ir-rapport ta’ Cyrus Engerer. Alfred Sant u Alex Agius Saliba t-tnejn ivvutaw kontra x-xogħol li ħejja Cyrus Engerer, filwaqt li Josianne Cutajar ma kenitx preżenti għall-vot.
Dwar dan kollu tkellimt ma’ David Casa, il-Kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista, li fisser li: “Hija ħasra li d-Deputati tal-Partit Laburista ma jistgħux jikkoordinaw bejniethom fuq pożizzjoni bażika. Jekk ma jistgħux jagħmlu dan bejniethom id-Deputati Laburisti, mela meta tiġi kwistjoni ta’ importanza nazzjonali, kif se naħdmu flimkien fuq livell Ewropew?
“Jiena nħeġġiġhom biex minflok jiffukaw fuq kif se jdaħħlu l-istalletti f’dahar xulxin, jużaw l-enerġija tagħhom għall-benefiċċju tal-Maltin u Għawdxin, li żgur ma jgawdu xejn minn din il-konfużjoni u ġlied intern.”
Din mhix l-ewwel darba li d-delegazzjoni Laburista wriet li hi maqsuma u li hi maħkuma minn konfużjoni kbira. Cyrus Engerer kien abbanduna lid-delegazzjoni tiegħu fuq vot dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, meta ħareġ ’il barra mill-Kamra minkejja li kien lagħab irwol fin-negozjati, filwaqt li sħabu taw vot wieħed differenti mill-ieħor.
//= $special ?>