Raġel ta’ 42 sena mir-Rabat ġie kkundannat 24 xahar ħabs u mmultat €2,500 wara li nstab ħati mill-Maġistrat Astrid May Grima li seraq magna tas-sigaretti minn snack bar f’Ħ’Attard. Renald Barbara nstab ħati li wettaq din is-serqa fl-2015 iżda ma nstabx ħati li matul l-istess sena seraq magna tas-sigaretti oħra, flus u top-up cards tal-mobile minn bazaar fil-Mosta u magna oħra tas-sigaretti minn kjosk fl-Imdina.
Mill-provi li tressqu rriżulta li waqt l-investigazzjoni tal-Pulizija fis-serqa mill-snack bar f’Ħ’Attard instabet fuq banketta marka taż-żarbun li qablet ma’ tal-akkużat u kien għalhekk li nstab ħati ta’ din l-akkuża. Barbara ma nstabx ħati wkoll li fl-istess sena seraq għodod agrikoli minn kmamar f’għelieqi f’Ħad-Dingli u li inġurja pulizija meta kien arrestat.
Huwa ma nstabx ħati li seraq magna tas-sigaretti minn bazaar fil-Mosta peress li minkejja li din instabet f’dak li darba kien razzett tal-faqqiegħ li huwa kien jiffrekwenta, tant li fuq il-post instabu loqom tas-sigaretti u siringi użati bid-DNA tiegħu, fuq il-magna ma nstabux marki tas-swaba’ tiegħu.
Dwar serq ta’ magna tas-sigaretti mill-kjosk fl-Imdina, lanqas ma nstab ħati minħabba li fuq il-magna, li nstabet f’gandott fl-inħawi, ma nstabux marki tas-swaba’. Huwa iżda nstab ħati li offenda pulizija wara li dan xehed kif waqt li l-akkużat kien taħt arrest qallu kliem offensiv.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Grima qieset ukoll l-fatt li l-imputat huwa riċediv. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca. Il-Qorti ordnat lill-ħati sabiex iħallas l-ammont ta’ € 1,031.42ċ bhala spejjez relatati ma’ esperti maħtura fil-kawza.
//= $special ?>