Jerome Caruana Cilia,PN
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia sostna fil-parlament li dan kien budget bla soluzzjoni quddiem il-kriżijiet li ħoloq dan il-gvern stess; it-traffiku, l-iskart, l-għoli tal-ħajja, il-popolazzjoni żejda, l-sfidi fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fil-kostruzzjoni, nuqqas ta’ spazji miftuġa, nuqqas ta’ goveranza u meritokrazija.
Hu qal li diversi stħarriġ juru li l-pajjiż għandu bżonn direzzjoni ċara fejn kważi 70% tal-poplu u 80% tan-negzoji qed jgħidu li l-gvern miexi f’direzzjoni ħażina. Hu sostna li l-gvern ma ħoloq l-ebda settur ekonomiku ġdid anzi fejn ipprova falla, kif għamlu mal-kumpanija Binance, fl-AUM, fl-investiment mal-kumpanija Huawei u l-metro.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan hu gvern li għejja u jisnab bla soluzzjonijiet; gvern li ċeda u qata’ qalbu li jħares ‘il quddiem. Dan filwaqt li l-gvern iwaħħal f’kulħadd minbarra fih innifsu.
Il-gvern hu bla azzjoni quddiem il-100,000 li jinsabu f’riskju ta’ faqar, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li minkejja s-slogans tal-gvern, Malta mhijiex ġusta. Malta mhijiex ġusta ma’ dawk fil-lista ta’ stennija għall-operazzjonijiet, mal-persuni b’diżabbilità severa, mal-ħaddiema li jaħdmu u xorta ma jlaħħqux mal-ħajja, mal-100,000 fil-faqar u mal-qraba ta’ Jean Paul Sofia u Bernice Cassar.
Hu tkellem dwar il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż u qal li dan kien budget li ma jiġġenerax iktar ġid produttiv u hu mibni fuq id-dejn; li se jiżdied b’€1 biljun sa €10 biljuni din is-sena. Għall-2024, il-gvern se jiddejjen iktar minn €1 biljun għal dejn ta’ €11.2 biljuni. Dan id-dejn se jkompli jiżdied b’€1 biljun biex sal-2026 se jaqbeż it-€13-il biljun. Id-deficit għas-sena li għaddiet kien 5.7%; ir-raba l-ogħla fost il-pajjiżi Ewropew waqt li sal-aħħar tal-2023 dan se jkun ta’ 5% u 4.5% għall-2024.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż qed iħallas €4 miljuni kull ġimgħa f’interessi fuq dan id-dejn waqt li fl-2024 din se titla’ għal €5miljuni kull ġimgħa. Il-gvern se jibqa’ jintaxxa l-COLA, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex il-gvern ma jibqax jinħeba wara l-persentaġġi. Dan id-dejn hu mażżra mal-ġenerazzjonjiet futuri.
Hu tkellem dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiż u qal li l-ġurisdizzjoni Maltija għandha terġa’ tikseb ir-rispett li kellha; dan hu gvern li wiret Malta li kienet fost l-aqwa 20 fid-dinja. Minn din il-pożizzjoni tant tajba, l-gvern umila lil Malta billi daħħalha fil-lista l-griża.
Fl-indiċi ta’ Transparency International, Malta waqgħet lura għall-54 post minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-gvern fil-kriminalità organizzata u nuqqas ta’ libertà ġurnalistika. Fl-EY Attractivness Survey, Malta għadha ħafna lura minn dak li kienet ftit żmien ilu, meta 90% tal-investituri kienu jaraw lil Malta bħala pajjż ideali biex jinvesti fih waqt li llum dawn iċ-ċifri jilħaqu biss is-60%.
Jerome Caruana Cilia semma’ d-diversi skandli li qed jitwettqu taħt dan il-gvern u qal li dawn qed ikisrru r-reputazzjoni ta’ Malta. Il-gvern qed jibqa’ jaħbi n-nefqiet esaġerati li qed jagħmlu diversi ministeri.
Id-deputat Nazzjonalista qal li kien hemm żewġ CEOs tal-MFSA li ħadu l-mijiet tal-eluf imbagħad kellhom jirriżenjaw għax ma kienx tajbin għall-kariga.
Il-multi li ngħataw mill-FIAU huma esaġerati u qed joħolqu inġustizzja fejn anki l-Qort qed tiddikjara li dawn qed imorru kontra l-liġi u kontra l-ġustizzja għaliex l-FIAU mhijiex ‘l fuq mil-liġi. Hemm numru ta’ kawżi kostituzzjonali kontra l-FIAU u l-MFSA u quddiem dawn is-sitwazzjoni serji, iil-gvern għandu jispeċifika x’tip ta’ miżuri se jieħu jekk dawn il-kawżi jintilfu.
Jerome Caruana Cilia semma’ sentenza mill-Uffiċċju tat-Tribunal Industrijali li fiha kien dikjarat li l-MFSA ma mxietx mal-liġi minn Marzu 2019 u għalhekk is-sentenzi kollha huma nulli. Dan hu każ serju li dwaru trid tinġarr ir-responsabbiltà.
Jerome Caruana Cilia semma’ l-ESG u qal li l-gvern Laburista ma jistax jitkellem dwar l-ESG għaliex qered l-ambjent, falla fil-governanza u kisser il-klassi medja. Il-PN qed joffri viżjoni ta’ eċċellenza favur il-karrieri ta’ kwalità b’livelli ta’ għajxien aħjar għall-poplu. Dan quddiem gvern li qata’ qalbu quddiem Għawdex, quddiem is-saħħa mentali u quddiem diversi setturi orħa li l-gvern laqnas għadu jsemmiehom.