Il-poplu Malti qed iħallas €4,000,000 f’interessi kull ġimgħa
Sal-aħħar ta’ Ottubru, id-dejn ta’ pajjiżna kien madwar €9.7 biljun. Dan ifisser €942.9 miljun aktar minn Ottubru 2022. Dawn iċ-ċifri mhux qed jgħidhom biss il-Partit Nazzjonalista, iżda huma maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Dan qalu fi stqarrija d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Sal-aħħar ta’ Ottubru l-ispejjeż tal-imgħax fuq dan id-dejn kien jammonta għal €175.0 miljun, żieda ta’ €30.0 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel. Dan ifisser li l-interessi li pajjiżna qed iħallas fuq dan id-dejn huma ta’ madwar €4 miljun kull ġimgħa.
Fl-2022, il-Gvern għalaq is-sena b’defiċit ta’ €982.2 miljun, ekwivalenti għal 5.7% tal-Prodott Domestiku Gross. Dan ifisser li Malta rreġistrat ir-raba’ l-ogħla defiċit fost l-Istati Membri kollha tal-UE. Id-defiċit medju fl-UE fl-2022 kien 3.3%.
Dan hu ta’ tħassib anke għax, skont rapporti fil-mezzi tax-xandir, dalwaqt se jerġa’ jintlaħaq qbil biex mekkaniżmi relatati mas-sostenibbiltà fiskali fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropa jerġgħu jidħlu fis-seħħ fiż-żmien li ġej.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti u jerġa’ jtenni li l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.
//= $special ?>