Lokali

EDITORJAL TAT-TIMES: “Il-Gvern irid isib soluzzjoni biex inaqqas it-traffiku”

“Jekk il-Gvern se jkompli jħaddem mudell ekonomiku ibbażat fuq il-kwantità u mhux kwalità se jispiċċa jkollu jnaqqas l-ammont ta’ karozzi mit-toroq ta’ pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ li twassal fl-editorjal tat-Tnejn tal-ġurnal ‘Times of Malta’ – editorjal li ddeskriva l-konġestjoni tat-traffiku bħala ħolma kerha.

It-Times fakkret kif il-proposta għal sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti bħal metro baqgħet biss ħolma hekk kif fil-Budget ma ssemmiet imkien.

Apparti minn hekk, l-editur jgħid li l-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia qed jgħix f’dinja oħra meta jgħid li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-metro. Filwaqt li l-Ministri sħabu m’għandhomx idea x’soluzzjoni qed joffri l-Gvern għal din l-isfida tat-traffiku.

Intant, it-Times qalet li diskussjonijiet dwar kemm tiflaħ l-infrastruttura ta’ pajjiżna għadhom ineżistenti. Dan filwaqt li proġetti infrastrutturali bil-għan li jittaffa t-traffiku f’żoni partikolari tal-pajjiż qed jispiċċaw joħolqu konġestjoni f’żoni oħrajn. U allura, dan ifisser li l-problema tat-traffiku mhux qed tiġi indirizzata b’mod effettiv.

Għaldaqstant l-editur saħaq li l-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh dwar il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna …u injora l-appelli ta’ diversi entitajiet kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela jħaddem mudell ekonomiku bbażat fuq kwalità, minflok fuq il-kwantità.

Fl-aħħarnett, l-editur instsa li r-retorika politika tal-Labour illi pajjiżna jinsab fl-aqwa żmien jaf tikkonvinċi lil xi wħud iżda żgur mhux se tikkonvinċi lil eluf ta’ persuni li ta’ kuljum iridu jħabbtu wiċċhom mal-problema tal-konġestjoni tat-traffiku.