Lokali Parlament

Għawdex jistħoqqlu ħafna aħjar minn dak li qed itih il-Gvern Laburista


Alex Borg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg sostna fil-parlament li Għawdex jistħoqqlu ħafna aħjar minn dak li qed itih il-gvern Laburista bħalissa.


Alex Borg qal li minħabba l-karatteristiċi tiegħu, Għawdex għandu bżonn interventi partikolari. Hu kompla li l-PL kien wiegħed li jmexxi lil Għawdex ‘il quddiem iżda dawn il-wiegħdi sfumaw fix-xejn. Il-budget għall-2024 hu wieħed tajjeb fuq l-aspett soċjali iżda dan hu wkoll budget li nesa lil Għawdex.


Huq al li Għawdex lanqas biss ingħata kapitlu speċifiku għalih fl-aħħar budget; dan juri li ma fehemx x’inhuma l-bżonnijiet għal Għawdex. Għalhekk seħħu ħafna żbalji fosthom l-iżvilupp eċċessiv u kif is-saħħa spiċċa f’xifer l-irdum.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-nefqa kapitali għal Għawdex tnaqqset b’10% u sostna li dawn il-fondi suppost intużaw fuq l-infrastruttura. Dan se jeffettwa bil-kbir lil Għawdex. Il-budget ma jagħti ebda soluzzjoni kif l-ekonomija Għawdxija se tkun diversifikata.


Alex Borg kompla li l-budget m’għandu ebda viżjoni jew pjan għal Għawdex u sostna li Għawdex ma jistax jibqa’ jibbaża biss fuq il-kostruzzjoni.


Wasal iż-żmien li jkun hemm diversifikazzjoni fis-settur ekonomija biex dawn irendu fit-tul. Dwar ix-xogħol ta’ kwalità hu semma’ l-Gozo Innovation Hub iżda llum l-ammont ta’ ħaddiema li din tħaddem u l-ammont ta’ investiment li sar fih huma biss falliment.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN jemmen li Għawdex għandu opportunitajiet kbar bħala żona diġitali fit-remote working, fl-eko-turiżmu, l-isport tal-avventura, fis-snajja, fl-industrija agrarja, fil-prodotti lokali u tradizzjonali, fit-turiżmu lingwsitiku u fil-gastronomija.


Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex qal li l-gvern naqqas l-investiment fis-settur turistiku bħala destinazzjoni distinta. Għawdex għandu bżonn l-Awtorità tiegħu fil-forma ta’ Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu. Alex Borg qal li dan iwassal għall-qabża li hemm bżonn f’dan is-settur.


L-investiment fl-edukazzjoni f’Għawdex hu miżeru fejn mhux minnu li l-iskola f’Għawdex hi miexja b’pass tajjeb fejn ġenerazzjonijiet tilfu l-opportunitajiet li jistudjaw fiha wara li din l-iskola ilha erba’ snin biex titlesta. Hu kkritika lill-Prim Ministru għall-mod kif mhux jisma’ lill-għalliema li mhux jingħataw appoġġ mill-gvern.


Dan il-budget ma joffri l-ebda soluzzjoni fit-tessut soċjali tal-Għawdxin fosthom fis-sigurtà fejn il-kriminalità żdiedet. Il-gvern mhux jagħti appoġġ lill-pulizija biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern ma qal xejn dwar il-bini tal-qorti ġdida f’Għawdex u dwar l-ammont ta’ investiment fis-servizzi soċjali. Alex Borg tratta s-settur tas-saħħa u qal li dan il-budget ma jindirizzax il-mod kif il-gvern se jġib lura l-€400 miljun li insterqu fil-korruzzjoni tal-isptarijiet. Il-gvern m’għandux pjan kif se jinbena sptar ġdid f’Għawdex.


Hu qal li hu pożittiv li nfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat; liema Ċentru infetaħ wara erba’ snin. Dan il-budget ħalla affarijiet barra fosthom il-breakwater ta’ Marsalforn, il-Victoria Park u r-raba’ vapur ġdid. Il-poplu qed jistaqsi kif Għawdex qatt jista’ jkun gżira tal-villaġġi, sostna Alex Borg, li kompla li l-gvern għandu biss kliem fieragħ dwar Għawdex.


Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex Alex Borg kompla li dan il-budget żgur mhux wieħed ġust mal-Għawdxin fejn il-Ministeru għal Għawdex illum għandu l-istessi poteri daqs kunsill lokali. Hu fakkar kif kien gvern Nazzjonalista li daħħal lil Malta fl-UE u qal li l-fondi għal Għawdex illum ma jkunux deċiżi mill-Ministru għal Għawdex iżda ministri Maltin.


Hu semma’ l-proġett tal-bini ta’ djar tal-gvern f’Taċ-Ċawla u qal li l-gvern ma semax l-appelli ta’ dawn ir-residenti biex dan il-proġett isir x’imkien ieħor meta kien hemm alternattivi oħra.


Dwar il-proġett viċin il-Ġgantija, Alex Borg qal li l-Awtorità tal-Ippjanar u s-Sovratendenza dwar il-Wirt Kultura fallew; Għawdex għandu bżonn policy għalih u żvilupp bi pjan u sostenibbli.


Hu fakkar fil-proġetti li għamlu gvernijiet Nazzjonalisti fosthom l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan kuntrarjament għall-mod kif il-gvern Laburista mexa mal-poplu Għawdxi fis-saħħa fejn hemm servizzi neqsin tant li l-ambulanza jkollha tmur Malta tliet darbiet kuljum.


Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg qal li Għawdex jistħoqqlu ferm aħjar.