Edukazzjoni Lokali

“Gvern li ma jistmax u ma jemminx fl-edukaturi u fil-preżent u l-futur ta’ uliedna” – PN

Ritratt: Matthew Tabone

Illum il-klassijiet baqgħu vojta għax lill-edukaturi tagħna, il-Gvern ma ħallilhomx għażla oħra ħlief li joħorġu fuq strajk, ladarba Robert Abela ħarab mir-responsabbiltà tiegħu.

Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri qal li l-klassijiet baqgħu vojta għax il-Gvern webbes rasu, għax il-Gvern ma jirrikonoxxix u ma jemminx biżżejjed lill-edukaturi tagħna, għax il-Gvern qatt ma kellu r-rieda politika li jtejjeb il-kundizzjonijiet u jżid is-salarji għall-edukaturi tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista juri solidarjetà mal-edukaturi kollha li llum qed jistrajkjaw u mal-MUT, li qed tiġġieled għaż-żidiet imwegħda mill-Gvern ta’ Robert Abela qabel l-elezzjoni, jiġifieri “żidiet sinifikanti”.

F’din il-kawża, il-Partit Nazzjonalista jagħti l-appoġġ lill-edukaturi, lill-MUT u lil dawk kollha li jemmnu bis-sħiħ fil-professjoni, filwaqt li jafferma l-pożizzjoni tiegħu favur edukazzjoni ta’ eċċellenza.

Is-sejħa tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ konsistenti favur id-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati fil-ftehim settorali u jistieden lil Robert Abela u lil Clifton Grima biex jieqfu minnufih jheddu lill-edukaturi bl-aġir irresponsabbli tagħhom u jinnegozjaw il-pakkett finanzjajru li wegħdu biex l-edukaturi jingħataw ir-rispett li jixirqilhom bil-fatti u t-tfal jieħdu l-massimu mill-esperjenza edukattiva tagħhom.