Erba’ ċittadini Ġorġjani – Zaza Sasania ta’ 50 sena, Luka Mikadze ta’ 45 sena, Zurabi Ratiani ta’ 43 sena u Tengizi Giorgadze ta’ 40 sena, kollha residenti San Pawl il-Baħar, ġew ikkundannati għal ħames snin u nofs ħabs kull wieħed u ordnati jħallsu aktar minn €2,500 fi spejjeż, mill-Maġistrat Elaine Rizzo wara li nstabu ħatja ta’ total ta’ 21 akkuża, fosthom li fformaw parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata u ħsara kriminali lill-proprjetà, minbarra diversi akkużi ta’ serq aggravat.
L-irġiel kienu tressqu l-qorti f’Marzu 2021, u inizjalment kienu ċaħdu l-akkużi, iżda rreġistraw ammissjoni ta’ ħtija fit-8 ta’ Novembru ta’ din is-sena. Il-‘gang’, kienu daħlu fi djar fil-Mosta, Birkirkara, Manikata, Tas-Sliema u San Gwann, fejn serqu ġojjellerija u oġġetti oħra ta’ valur.
Meta kkundannat lill-irġiel, il-Maġistrat Rizzo nnotat li r-reati kienu aggravati u għalhekk kien jistħoqilhom sentenza ta’ priġunerija. Il-qorti għażlet li ssegwi rikors konġunt ippreżentat mill-partijiet li fiha rrakkomandaw sentenza ta’ ħames snin u nofs ħabs. L-Ispetturi Joseph Mercieca, Saviour Baldacchino u Cristina Delia mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Noel Bianco assista lill-akkużati.
Ħames snin u nofs ħabs għal erba’ membri ta’ ‘gang’ kriminali mil Lvant tal-Ewropa fuq disa’ serqiet
