Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied imtawwal b’jumejn wara qbil bejn Iżrael u l-Hamas

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-grupp Ħamas jidher li se jkompli wara li dan – skont il-ftehim oriġinali —  kellu jiskadi tard matul il-lejl. Dan ukoll wara erbat ijiem intensivi li fihom spikka l-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani miżmuma mill-Ħamas f’Gaza u l-għexieren tal-priġunieri Palestinjani mill-ħabsijiet ta’ Iżrael.

Sadanittant, il-kelliema f’Qatar qalu li Iżrael u l-Ħamas qablu dwar estensjoni ta’ jumejn għall-ftehim attwali – bil-familji Iżraeljani qed jistennew għall-ħelsien ta’ aktar ostaġġi li ilhom l-aħħar jiem f’idejn it-terroristi tal-Ħamas.

Irrankaw ukoll l-isforzi internazzjonali biex il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ikun estiż għaż-żmien kollu possibbli – b’Iżrael  qed joffri pawża ta’ jum aktar mill-perjodu miftihem għal kull għaxar ostaġġi ‘addizzjonali’ li jinħelsu mill-Ħamas.

Fl-istess ħin, kelliema għall-grupp Iżlamiku terrorista qalu li huma wkoll iridu estensjoni għall-waqfien mill-ġlied. Dan meta l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, Spanja,  l-Eġittu u Qatar qed jistinkaw, fi sforz kollettiv, biex il-waqfien mill-ġlied f’Gaza jibqa’ validu u effettiv,

Fl-istess ħin, it-trakkiijiet bl-għajnuna umanitarja komplew deħlin fil-Medda ta’ Gaza u fejn ir-residenti Palestinjani setgħu jirċievu aktar kunsinni ta’ ikel, fuel u mediċini li qed ikunu distribwiti mill-organizzazzjonijiet tal-għajnuna.

Il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas issa dieħla fit-53 jum mindu t-terroristi Palestinjani infiltraw l-artijiet ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru u fejn immassakraw il-mijiet taċ-ċivili, inklużi nisa u tfal, flimkien ma’ suldati riservisti. L-attakki ta’ ritaljazzjoni minn Iżrael, minn dakinar, swew il-ħajja ta’ ‘il fuq minn 15,000 Palestinjan fil-Medda ta’ Gaza.

Fl-aħħar żviluppi, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, ukoll ħeġġeġ għal waqfien mill-ġlied fit-tul bejn Iżrael u l-Ħamas waqt li tenna li l-estensjoni tal-ftehim għandu jibbenefika lin-nies ta’ Gaza, minbarra li jirriżulta fil-ħelsien ta’ aktar ostaġġi Iżraeljani.

Min-naħa tiegħu, Josep Borrell,li jmexxi l-affarijiet barranin tal-Unjoni Ewropea, irrepeta s-sejħa biex il-Lvant Nofsani jieħu ftit tan-nifs minn perjodu ta’ kwiet estiż u li jista’ jippermetti għal diplomazija effettiva,.

Borrell tenna li l-pawża fil-waqfien mill-ġlied għandha tirrendi l-ftehim bħala aktar sostenibbli għat-tul taż-żmien u waqt li l-partijiet interessati jinsistu għal soluzzjoni politika għall-kriżi.