Ambjent Għawdex Lokali

IL-POLEMIKA TAL-ĠGANTIJA: Refalo jgħid “jien ma nindaħalx”

Quddiem l-aħħar kontroversji li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Gvern ta’ Robert Abela… fosthom l-approvazzjoni ta’ permess għall-bini ta’ blokka appartamenti biswit il-Ġgantija… il-membri tal-Kabinett ta’ Abela donnhonm ma jridux jikkommettu ruħhom dwar kemm kien għaqli li ħareġ dan il-permess.

Deċiżjoni li ġibdet il-kritika ta’ bosta għaqdiet u NGO’s fosthom dawk Għawdxin… għall-mod kif il-Gvern Laburista spiċċa jgħaddi bħal romblu minn fuq kulħadd anke fejn jidħol l-ambjent u l-presevazzjoni tal-wirt kulturali Malti.

Mistoqsi dwar dan l-isfreġju ambjentali, il-Ministru Għawdxi Anton Refalo spiċċa jfarfar fuq l-Awtorità tal-Ippjanar. Dan filwaqt illi qalilna li hu ma jindaħalx – għalkemm fl-ebda ħin ma ddefenda r-residenti tal-madwar, u l-wirt uniku li għandu Għawdex.

 Pressat minn dan l-istazzjon, Anton Refalo baqa’ ma jridx jgħidilna jekk jaqbilx ma’ dan il-permess.

Binja li dwarha il-Prim Minstru Robert Abela tefa’ dubji dwar kemm effettivament tfisser sfreġju ambjentali – dan meta qalilna li f’din it-triq partikolari, diġa’ hemm il-bini.

Staqsejna wkoll lill-Ministru responsabbli mis-settur turistiku Clayton Bartolo jekk jaqbilx mal-ħruġ tal-permess għal dan l-iżvilupp…  fejn spiċċa, bi kliemu,  jikkontradixxi dak li verament qed jagħmel il-Gvern.  U li għandu effetti enormi fuq is-settur tat-turiżmu f’Għawdex.

Dan il-permess li ħareġ diġa’ mill-Awtorita tal-Ippjanar tefa’ ta’ ġebla bogħod mill-Ġgantija, issa spiċċa ġie ffriżat fuq insistenza tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali sakemm isir il-Heritage Impact Assessment; asessjar li fil-verita, kellu jsir ferm qabel.