Lokali Parlament

Il-problemi tal-għoli tal-ħajja ma jissolvewx bl-attakki fuq in-negozjanti


Ivan J.Bartolo, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan J.Bartolo sostna fil-parlament li l-problemi tal-għoli tal-ħajja ma jissolvewx bl-attakki fuq in-negozjanti.

Ivan J.Bartolo rrifera għal dak li qed iseħħ man-negozjanti Maltin qal li hawn attakk fuq in-negozjant lokali fejn qed jintqal li dawn qed jiffurmaw cartel.


Permezz ta’ ministeru tal-gvern, nies fin-negozju qed ikunu avviċinati biex iraħħsu l-prezzijiet tal-prodotti tagħhom quddiem l-għoli tal-ħajja, li flimkien mal-popolazzjoni esaġerata, qed jinkwetaw u jweġġgħu lin-nies.


Id-deputat Nazzjonalista qal li n-negozjanti llum jinsabu f’sitwazzjoni fejn jekk iraħħas il-prezz jiġi akkużat li qed jabbuża u jekk ma jraħħas ikun akkużat li qed jiffurmaw cartel. Dan qed isir f’mument meta l-COLA hi ta’ €13.81 u f’mument meta l-paga minima għoliet; dan ifisser spejjeż għan-negozjanti waqt li mil-1 ta’ Jannar hemm it-taxxa introdotta mill-UE fuq l-emissjonijiet li se tfisser żieda fl-ispejjeż tal-loġistika. Fl-aħħar xahrejn in-negozjant Malta għandu dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli quddiemu.


Hu appella lill-gvern biex jiġġieled l-għoli tal-ħajja iżda mhux bil-mezzi li qed jipproponi l-gvern. Il-PN kien diġà ippropona li jsir fond biex jilqa’ għaż-żieda fil-prezzijiet iżda l-gvern ma laqax din il-proposta.
In-negozjanti jistgħu jiġu f’sitwazzjonijiet li jkollhom inaqqsu l-impjegati, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Prim Ministru issa qed jiddikjara li hu ‘time-up’ għall-persuni li jikru l-appartamenti lil numru kbir ta’ barranin u għall-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin.

Minkejja din id-dikjarzzjoni, fil-budget ma jingħad xejn partikolarment għal dawk li investew biex jikru l-appartamenti lill-barranin f’ammonti kbar.


Minkejja miżuri soċjali, il-budget mhux komplut, sostna Ivan J.Bartolo, qal li l-miżuri l-gvern kellhom joħodhom qabel beda jġib l-eluf ta’ ħaddiema barranin; illum anki l-ministru tal-Finanzi qed jiddikjara li l-gvern ma jafx kemm hawn nies Malta.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-Air Malta u l-konsulenti Knight Hood u staqsa jekk dawn humiex l-aħjar nies li kellhom jiġu ngaġġati għaliex fis-Sawdi fl-2017, ic-CFO u s-CEO tal-kumpaija, tkeċċew u wara ħolqu l-kumpanija Knight Hood. Il-gvern għażel lil dawn in-nies u tahom €2.4 miljun biex suppost l-Air Malta ma tfallix. Għaliex intużaw l-istess nies?, staqsa d-deputat Nazzjonalista.


Xi prorgess sar fuq il-brand, fuq is-slots? X’inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li għadhom jaħdmu mal-Air Malta għaliex fil-budget m’hemmx l-ispiża li se tiswa lill-poplu?, staqsa d-deputat Nazzjonalista. Suppost li l-ingaġġ tal-ħaddiema mal-kumpanija l-ġdida beda iżda mhux magħruf jekk hux kollox miexi skont il-pjan. Hu appella biex l-Air Malta tiffoka fuq il-merkanzija għaliex dan joffri potenzjal.