Raġel ta’ dixxendenza Maltija minn Essex u bi problema ta’ droga nstab ħati li ta fastidju mara, li kien ħabib tagħha, u li nqabad mill-pulizija liebes qalziet ta’ taħt tagħha u jisniffja l-kokaina minn fuq il-bank tal-kċina tagħha. Hu ġie kundannat 28 xahar ħabs.
Antony Debono uża l-Instagram tal-vittma tiegħu biex jibgħat messaġġi oxxeni lil ħabiba tagħha, bagħtilha messaġġi sesswali ta’ theddid direttament fuq WhatsApp u Facebook, u ħallielha 64 voicemail li jiddeskrivu ħwejjeġ diżgustanti li ried jagħmel magħha.
Debono, missier ta’ 44 sena, deher fi Snaresbrook Crown Court nhar it-Tnejn li għadda wara li ammetta reati ta’ fastidju u pussess ta’ kokaina fis-6 ta’ Lulju ta’ din is-sena. Il-kampanja ta’ fastidju, li kienet tal-biża’, bdiet f’Mejju ta’ din is-sena, u laħqet il-qofol tagħha meta Debono nqabad liebes tanga griża tal-vittma tiegħu u jissniffja d-droga kokaina minn fuq il-wiċċ tal-kċina wara li l-pulizija ssejħu d-dar tagħha fil-Lvant ta’ Londra fl-4 ta’ Lulju.
Debono kien magħruf mal-vittma li kienet tafu wara li għamel xi żmien jgħix fir-residenza tagħha, iżda kisritha minn miegħu wara li kienet sabet ritratti oxxeni fuq il-mobile tiegħu.
Iżda hi reġgħet aċċettat lura lil Debono f’darha wara li f’Novembru tal-2022 spiċċa homeless, u b’hekk ippermettietlu joqgħod magħha u ma’ bintha ż-żgħira fl-appartament tagħha f’Woodford Green f’Redbridge fuq il-fruntiera ta’ Essex.
Madankollu, ir-relazzjoni tagħhom reġgħet bdiet tiddeterjora wara li skopriet fliexken vojta tal-vodka fil-kamra tas-sodda ta’ bintha u spiċċat biex tefgħetu ’l barra mid-dar. Fit-13 ta’ Mejju, Debono beda l-kampanja ta’ fastidju fil-konfront tagħha, billi uża l-kont ta’ Instagram tal-vittma stess biex jibgħat messaġġi b’konnotazzjoni sesswali lil ħabiba tagħha. Meta l-vittma ffaċċjatu dwar il-messaġġi, huwa ċaħad.
Imbagħad fil-15 ta’ Mejju hu bagħat messaġġi simili direttament lill-vittma fuq Facebook. Hi mblukkat in-numru tiegħu fuq WhatsApp, iżda l-imġiba stramba kompliet u fis-16 ta’ Mejju Debono ħallielha 64 voicemail fejn iddeskriva l-fantasiji tiegħu.
Meta l-vittma marret btala fit-Tajlandja mill-24 ta’ Mejju sal-5 ta’ Ġunju, Debono daħal fl-appartament tagħha u ħareġ mill-kexxun qalziet ta’ taħt tagħha, u wara tefa’ aktar ħwejjeġ ta’ taħt mal-art tul il-kamra tas-sodda kollha u ħadilhom ir-ritratti.
Meta l-vittma marret għal vaganza oħra fi Spanja, Debono mar lura fl-appartament tagħha u reġa’ seraq mill-kexxun qliezet ta’ taħt minn tagħha, din id-darba par qliezet ħomor li xeħet fil-banju. Il-Pulizija ssejħet minn ħabib tal-vittma u meta waslu sabu l-kokaina fuq il-bank tal-kċina, qliezet mifruxin, u Debono liebes il-qalziet ta’ taħt tal-vittma.
Fi stqarrija li qrat il-prosekutur fil-Qorti qalet li l-vittma qaltilha li l-messaġġi ġegħluha tħossha ‘diżgustata u mistħija’, u ħassitha ‘stupida’ għax ħasbet li Debono kien inbidel.
“Dawk il-messaġġi poġġewni f’ansjetà, b’attakki ta’ paniku, uġigħ f’sidri, u ħmar il-lejl. Issa nibża’ li se jkompli b’dan it-theddid… Nibża’ li jista’ joqtolni wara,” hi qalet.
Waqt li sejħet il-messaġġi bħala “offensivi ħafna”, il-prosekutur qalet li l-mara kienet kostretta tagħmel bidliet konsiderevoli f’ħajjitha biex tevita kwalunkwe kuntatt miegħu.
L-avukat tad-difiża Sumita Mahtab-Shaikh qalet li l-klijent tagħha kien iddispjaċih u qed ‘jagħmel sforz reali’ biex jieqaf mill-alkoħol u mid-droga. “Minħabba l-intossikazzjoni tiegħu ma kellux għarfien dwar kif l-imġiba tiegħu kellha impatt fuq il-vittma tiegħu,” hi qalet.
Il-Maġistrat Philip Brook-Smith KC qal lil Debono li l-messaġġi u l-voicemails kienu ‘inkwetanti’, ‘spjaċevoli’, u ta’ ‘theddida’. “Huwa ċar li l-vittma sofriet b’mod konsiderevoli bħala riżultat tal-fastidju tiegħek u dan ikkawża bidliet fl-istil ta’ ħajja tagħha biex tipprova tinsa dak li għadda mingħaliha wara t-theddid u l-ansjetà li esperjenzat,” hu qal.
Brook-Smith ikkundanna lil Debono 28 xahar ħabs u ma ta l-ebda piena separata għal pussess ta’ droga, ħlief li l-kokaina trid tinqered. Impona wkoll ordni ta’ trażżin li tipprojbixxi lil Debono milli jagħmel kuntatt mal-vittma jew bintha.
Il-Pulizija taqbad raġel ta’ dixxendenza Maltija liebes ħwejjeġ ta’ mara wara li daħal f’darha f’Essex
