Edukazzjoni Lokali

AĠĠORNATA: Appoġġ kbir għall-istrajk tal-għalliema – 97% tal-edukaturi wieġbu għas-sejħa tal-union

Appoġġ kbir għall-istrajk tal-għalliema hekk kif 97% tal-edukaturi wieġbu għas-sejħa tal-MUT.

L-istrajk ta’ ġurnata, li qed isir illum, issejjaħ mill-union stess. U matul il-jum ma sarux lezzjonijiet għat-tfal fl-iskejjel – kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Knisja.

L-azzjonijiet industrijali kellhom jaslu s’hawn wara illi xhur sħaħ ta’ laqgħat bejn l-MUT u l-Gvern ma waslu mkien – b’Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu li jagħti żieda sostanzjali fil-pagi, skont kif kien wiegħed fil-manifest elettorali qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru iddikjara bla tlaqliq illi mhux lest li jkompli jiddiskuti mal-MUT sakemm l-azzjonijiet industrijali jibqgħu fis-seħħ – għaliex skont hu, dawn huma “mannara”. Biex imbgħad il-Ħadd, spiċċa sejjaħ lill-MUT bħala union li tmexxi bil-militantiżmu.

L-istrajk tal-għalliema sar bħala parti mill-azzjonijiet industrijali li bdew ġimgħat ilu fejn fost l-oħrajn matul dawn l-aħħar jiem ma kien qed isir ebda komunikat bejn l-edukaturi u l-ġenituri.

Matul l-istrajk, l-edukaturi kienu mistennija li ma jagħmlu xejn marbut max-xogħol tagħhom, inklużi telefonati u emails.

Ritratt: Matthew Tabone

Tfal fi skejjel tal-Gvern setgħu xorta jmorru skola iżda matul il-jum ma sarux lezzjonijiet, filwaqt li t-tfal tal-Knisja ntalbu biex ma jmorrux l-iskola għal dan il-jum.

B’kollox, jidher li kienu biss 600 it-tfal li intbagħtu l-iskola.

Intant, fl-istess jum li fih ħalla skejjel bla ħajja u kriżi fl-edukazzjoni…il-Prim Ministru telaq minn Malta u mar Vjenna biex jiltaqa’ mal-Kanċillier Awstrijak.

B’kuntrast, Bernard Grech baqa’ spalla ma’ spalla mal-għalliema, fejn stqarr illi l-pika tal-Gvern wasslet lill-edukaturi biex kontra qalbhom joħorġu mill-klassi sabiex jissieltu għad-drittijiet tagħhom – tant li ġabhom “tallaba”.

Bernard Grecn insista illi “hu ta’ swied ta’ qalb għall-edukatur li ma jħossux stmat. L-edukaturi jixirqilhom id-dinjità u aktar rispett.”