“Is-settur tat-trasport kien u għadu mifni bi skandli kif ukoll bil-fallimenti. U huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern sabiex jinvesti fi trasport tal-massa.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn waranofsinhar fid-Dar Ċentrali tal-PN u li kienet indirizzata mid-Deputati Adrian Delia, Ryan Callus kif ukoll Stanley Zammit.
Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia spjega kif il-Ministeru tat-Trasport kien u għadu mifni bl-iskandli bl-aktar wieħed riċenti jkun dak tal-liċenzji tas-sewqan.
Adrian Delia sostna li hemm diversi soluzzjonijiet sabiex jitnaqqas it-traffiku mit-toroq ta’ pajjiżna fosthom li ċertu xogħolijiet – fejn hu possibbli – jsiru mid-dar, li jkun hawn aktar servizzi onlajn, karreġġjati għal tallinja kif ukoll bidla fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna li preżentament qed joħloq pressjoni kbira fuq l-infrastruttura.
Minn naħa tiegħu d-Deputat Ryan Callus qal li diversi studji urew li l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhux qed tlaħħaq mal-isplużjoni fil-popolazzjoni u għalhekk saħaq li l-Gvern ta’ Robert Abela jeħtieġ li jagħmel investiment fi trasport tal-massa.
Għalkemm fir-realtà minflok kompla jinvesti fl-inftrasstruttura ta’ pajjiżna, il-Gvern kompla jnaqqar mill-budget.
Ryan Callus qal ukoll illi b’riżultat tal-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan issa dawk kollha li qed japplikaw qed jispiċċaw jistennew tal-inqas 4 xhur għall-eżami.
Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Stanley Zammit qal li l-Gvern huwa inġust għaliex iddegrada l-awtoritajiet ta’ pajjiżna fosthom l-ERA. Stanley Zammit spjega kif matul is-snin il-Partit Nazzjonalista iddiskuta ma’ diversi entitajiet u ressaq proposti sabiex dan is-settur jimxi ‘il quddiem.
Hawnhekk, hu fakkar fil-viżjoni ta’ eċċellenza li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista ftit tal-ġimgħat ilu sabiex il-poplu jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna.
//= $special ?>