Lokali

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023

Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023 tħabbru llejla waqt ċerimonja privata l-Magazino Hall, Valletta Waterfront. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jittella’ kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u r-rebbieħa jintgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti u skont kriterji u proċess rigoruż. 

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri fakkar fil-prestiġju tal-Premju, li issa jinsab fis-46 edizzjoni tiegħu u li jippremja l-ogħla kisbiet fl-ambitu ta’ pubblikazzjonijiet letterarji u ta’ riċerka akkademika. Camilleri ħabbar ukoll waqt iċ-ċerimonja li kull pubblikatur li l-ktieb tiegħu rebaħ il-premju kien se jkun qed jingħata €1,000 bħala rikonoxximent, u dan minbarra l-premju li s-soltu jmur għand il-kittieba u/jew l-illustraturi. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġew rikonoxxuti l-isfidi ekonomiċi li ltaqgħu magħhom il-pubblikaturi fl-aħħar snin, speċjalment minħabba kunflitti varji fid-dinja. Kompla billi nnota ż-żieda fis-sottomissjonijiet għall-poeżija u d-drama, li huma sinjali pożittivi. Enfasizza l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet strateġiċi tal-KNK ma’ organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali li jixprunaw il-preżenza globali tal-letteratura Maltija. Huwa u jagħlaq, Camilleri rringrazzja lill-kollaboraturi, ’l-awturi, ’l-illustraturi, ’il-pubbliaturi u lit-tim iddedikat tal-KNK, u saħaq dwar il-wegħda tal-KNK li jmexxi ’l quddiem il-Letteratura Maltija. 

Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn lista ta’ 61 finalist, li kienu ppubblikati s-sena l-oħra u kienu mqassmin f’erbatax-il kategorija: 36 ktieb fi tmien kategoriji għall-adulti, u 26 ktieb f’sitt kategoriji għat-tfal u ż-żgħażagħ (il-Premju Terramaxka).

Waqt iċ-ċerimonja ngħataw ukoll żewġ premji speċjali. Il-premju prestiġġjuż għall-kontribut siewi fil-qasam tal-kotba u l-letteratura mar għand Daniel Massa, u dan għall-kontribuzzjoni enormi tiegħu għall-poeżija Maltija.  

Il-premju għall-aħjar awtur emerġenti mar għand Lon Kirkop, li wkoll rebaħ il-kategorija tad-drama bil-ktieb Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq (Merlin Publishers).

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2023: Omar Seguna, Robert Pisani, Simone Spiteri, Rachel Baldacchino, Liam Gauci, Joseph M Brincat, Sandra Hili Vassallo, Kristy Borg u Charmaine Bonello. 

Ingħata ringrazzjament ukoll lil Margaret Callus minn Malta Libraries talli kklassifikat il-kotba sottomessi skont il-kategoriji rispettivi. 

Il-kotba rebbieħa huma:

Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż: Loranne Vella  Marta Marta  

Novelli bil-Malti u bl-Ingliż: Rita Saliba Tbajja’ tax-xemx u stejjer oħra għad-dell 

Poeżija bil-Malti u bl-Ingliż: Murad Shubert Imbagħad il-qiegħ 

Drama bil-Malti u bl-Ingliż: Lon Kirkop Fil-ħajja li jmiss u drammi oħra tat-triq 

Traduzzjoni: Mark Vella Mur ġibek… eżerċizzji ta’ tortura u seduzzjoni 

Riċerka Ġenerali: Christian Attard   The art of dying well: visual cultures in times of piety and plague Malta 1675-1814 

Riċerka bijografika u storjografika: William Zammit Slavery, treason and blood: the 1749 plot of the slaves in malta 

Premju għall-aħjar produzzjoni ta’ ktieb bl-isbaħ dehra fondazzjoni patrimonju malti Society fashion in malta: the portrait photography of leandro preziosi 1830-1869 

Premju Għall-aħjar Awtur Emerġenti: Lon Kirkop 

Premju Għall-kontribut Siewi Fil-qasam Tal-kotba U L-letteratura: Daniel Massa 

Il-Premju Terramaxka għat-tfal u ż-żgħażagħ 

Xogħlijiet Oriġinali Għal Tfal Ta’ Bejn 0-7 Snin :Maria Farrugia, Louiselle Sciberras (Ill.) – Luċjan U Enzo: Is-sriedak Li Kienu Jgħiru Għal Xulxin 

Xogħlijiet Oriġinali Għal Tfal Ta’ Bejn 8–12-il Sena : John A. Bonello, Francesca Grech (Ill.) – Irvin Vella, Investigatur Virtwali: Il-każ Tal-ħabsi Bla Ħtija 

Letteratura Għaż-żġħażagħ : David Aloisio – Ġganti 

Xogħlijiet Maqluba Għall-malti Għal Tfal Ta’ Bejn 0-7 Snin :Janet Mallia – Kieku Armadillo jmur f’ristorant 

Xogħlijiet Maqluba Għall-malti Għal Tfal Ta’ Bejn 8-12 -Il Sena : Noel Tanti – Każ miftuħ: segwi l-indizji! 

Letteratura Għaż-żġħażagħ Tradotta : Dwayne ellul Sherlock, lupin u jien: il-katidral tal-biża’ 

Premju Għall-aħjar Produzzjoni Ta’ Ktieb Bl-isbaħ Dehra : bdl publishing – Luċjan u Enzo: is-sriedak li kienu jgħiru għal xulxin