Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jippersisti bi strateġija militari li rriżultat f’dejjem aktar imwiet fost is-suldati tiegħu fil-gwerra tal-Ukrajna…Konflitt fejn la r-Russi u lanqas l-Ukreni ma jistgħu jiksbu l-gwadanji sostanzjali.
Dan qalu s-Segretarju tad-Difiża tar-Renju Unit, Grant Shapps, u li enfasizza li Putin, illum, qed jibgħat aktar suldati għall-qatla milli fi kwalunkwe żmien wara l-bidu tal-gwerra tal-Ukrajna, fi Frar tal-2022.
Shapps qal ukoll li din il-gwerra issa ‘staġnat’ u meta t-truppi Russi u l-Armata Ukrena t-tnejn jinsabu f’sitwazzjoni inċerta.
L-aħħar statistika dwar il-gwerra provduta mill-Istaff Ġenerali tal-Ukrajna indikat li l-medja tas-suldati Russi li qed jintilfu ma’ kull ġurnata tal-konflitt ilha stabbilita madwar it-930 mill-bidu ta’ Novembru
Sadanittant, osservaturi u esperti barranin qed jirreferu għal dawn iċ-ċifri bħala ‘validi’ u meta qabel, ix-xahar ta’ Marzu ( ta’ din is-sena) kien indikat bħala l-aktar xahar qattiel għall-militar Russu li dak iż-żmien kien qed jitlef mas-776 suldat għal kull ġurnata.
Il-qabża terribbli fl-imwiet fuq in-naħa tar-Russja qed issir dejjem aktar enfatika ladarba l-Magna tal-Gwerra tal-Kremlin saret tiddependi aktar fuq iż-żgħażagħ bil-lieva u l-priġunieri li qed jinħelsu mill-ħabs bil-wiegħda li jinħafrulhom is-sentenzi ladarba huma jikkonkludu sitt xhur ta’ servizz militari fl-Ukrajna.
L-imwiet fost ir-Russi żdied ukoll meta l-Armata tal-Kremlin qed tkompli bl-offensiva fuq l-inħawi tad-Donbas, fl-artijiet Ukreni tal-Lvant, u partikularment fuq il-belt ta’ Avdiivka.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Shapps qal li Putin jidher li tilef kull raġuni u sens tattiku waqt li qed jippersisti bl-invażjoni tal-Ukrajna. Dan qed isir waqt li dejjem aktar mijiet ta’ suldati Russi qegħdin ikunu sagrifikati għall-ebda gwadann militari.
//= $special ?>