Lokali Qorti

Multa ta’ €2,000 talli waddab ġeru m’għola sular

Raġel ta’ 58 sena residenti Birżebbuġa kien immultat €2,000 mill-Maġistrat Monica Vella wara li waddab ġeru minn għoli ta’ madwar sular għal fuq is-santwarju fl-istess lokalità li fih l-Assoċjazzjoni Annimali Abbandunati (AAA) żżomm l-annimali abbandunati.

Carmel Sacco ammetta li fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Lulju 2021, f’Birżebbuġa, ġiegħel annimal isofri u abbanduna l-kelb. Mill-provi li tressqu b’rabta ma’ dan il-każ irriżulta li Sacco mar bil-ġeru ħdejn is-santwarju tal-klieb.

Huwa sab il-bieb magħluq u wara li ma fetaħlu ħadd iddeċieda li jabbanduna l-ġeru u spiċċa biex tefgħu mir-reċint tas-santwarju. Il-ġeru nstab minn uffiċjal li tieħu ħsieb is-santwarju li rrappurtat il-każ lill-Pulizija.

Wara xi sigħat Sacco ddispjaċih fuq dak li għamel tan lk ċempel lis-santwarju biex jieħu l-ġeru lura imma s-santwarju rrifjuta bil-każ jidħlu fih il-Pulizija li ħadu azzjoni kontrih kriminalment. Il-Pulizija bagħtu għalih biex jinterrogawh fejn ammetta dak li għamel u tressaq fil-Qorti.

Fil-Qorti rriżulta li l-akkużat tela’ fuq il-vann u xeħet lill-ġeru minn għoli ta’ madwar sular. Fortunatament minkejja li l-kelb twaddab minn dan l-għoli ma weġġax għax spiċċa fuq il-ħaxix. Rappreżentant tal-AAA qalet li kieku ntefa’ ftit metri bogħod kien jiġi ġo gaġġa ta’ kelb feroċi li kien jispiċċa biex joqtol il-klieb.

Il-Maġistrat Vella qalet li għalkemm l-akkużat iddispjaċih minn dak li għamel jibqa’ l-fatt, anke minħabba l-età tiegħu, Sacco messu ħa lill-ġeru lura u mar bih darb’oħra. Hija għamlitha ċara li l-Qorti ma tistax tittollera li l-annimali jiġu maħqura, abbandunati u sfruttati b’dan il-mod u saħqet li min ikollu l-annimali jrid jieħu ħsiebhom b’imħabba. Kien għalhekk li waqt li sabet lil Sacco ħati tal-akkużi miġjubin kontrih immultatu €2,000.