Futbol Sport

Xejn ma jinbidel fil-quċċata filwaqt li tikkomplika ruħha s-sitwazzjoni fin-naħa t’isfel tal-klassifika

(Ritratt: Joseph Galea)

Fid-derby ta’ Malta Floriana kisbu rebħa importanti b’żewġ gowls fl-aħħar parti tal-partita biex b’hekk komplew iżommu l-ewwel post. Kienet logħba li laqqet lill-aktar żewġ timijiet li rebħu  unuri fix-xena lokali. Sliema kienu għaddejjin minn forma tajba iżda sabu lil Floriana tattikament ippreparati tajjeb apparti li l-kowċ tagħhom Camoranesi kien bravu ħafna bis-sostituzzjonijiet li wettaq. Kemar Reid li ftit tal-ġranet ilu ddebutta mat-tim nazzjonali Malti f’Wembley Stadium, kompla jsib ix-xibka hekk kif huwa fetaħ l-iskor għal Floriana. Għall-Blues din kienet it-tielet telfa tal-istaġun. Geoffrey Acheampong kien attiv ħafna matul il-partita iżda sab lid-difiża tal-Greens fl-aqwa forma biex xejnet kull attakk.

(Ritratt: Joseph Galea)

Wara r-rebħa ta’ Floriana l-pressjoni kienet kollha fuq Ħamrun Spartans sabiex jiksbu l-punti massimi biex jilħqu lill-Greens fil-quċċata tal-klassifika kif filfatt għmlu fejn kisbu dak li riedu minkejja li bi ftit tat-tbatija meta għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 1-0, gowl skurjat minn penalty ta’ Luke Montebello qabel għalqet l-ewwel taqsima. Bejn il-lasti tal-Ispartans rritorna l-gowlkeeper Taljan Federico Marchetti. Għal Marsaxlokk din it-telfa fissret li issa huma jinsabu fil-ħames post bl-istess numru ta’ punti daqs Hibernians u Sliema Wanderers. Ħamrun issa hemm jistennihom test ieħor iebes hekk kif il-ġimgħa li ġejja huma jiffaċċjaw lil Birkirkara li possibilment ikunu mmexxija mnn Brian Chetcuti sakemm ma jkunux sabu sostitut ta’ Tedesco fil-jiem li ġejjin.

(Ritratt: Joseph Galea)

Hibernians kisbu rebħa importanti, dan wara li huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-1. Kienet rebħa li tiswa mitqlu deheb hekk kif it-tim ta’ Nisevic qed jipprova jirkupra mill-bidu ħażin u jitla’ aktar ‘il fuq fil-klassifika. Huma kellhom bidu tajjeb fejn fl-ewwel taqsima kisbu vantaġġ doppju u kien biss lejn l-aħħar parti tal-partita li t-tim minn San Pawl il-Baħar naqqas id-distakk iżda kien tard wisq. B’hekk Sirens għadhom ifitxxu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara tmien logħbiet. Sirens urew titjib mill-aħħar logħbiet tagħhom fejn forsi dan jista’ jawgura tajjeb għal-logħbiet aktar diretti li għandhom. Il-kompitu żgur li qed isir aktar diffiċli meta prattikament b’terz tal-kampjonat diġà barra.

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Gudja United kienu viċin ħafna li jiksbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun imma dan ma’ kellux ikun hekk kif Balzan kisbu l-gowl tad-draw. Kienet logħba li kien fiha minn kollox fejn il-Gudjani kellhom waħda mill-aqwa logħbiet tagħhom s’issa. Mill-banda l-oħra Balzan naqqsu li jkunu dak it-tim li rajna fil-bidu tal-istaġun fejn jidher li issa qegħdin isibu x-xogħol aktar diffiċli. Gudja dejjem kienu minn fuq bit-tim ta’ Balzan kull darba jerġa jidħol fil-partita. Balzan issa jinsabu fil-ħdax-il post tal-klassifika meta niftakru li dan il-post ifisser relegazzjoni. Minkejja li għadu kmieni ħafna biex nitkellmu dwar dan imma kull tim irid iżomm f’moħħu li kull punt huwa importanti bis-sitwazzjoni tar-relegazzjoni li għal dan l-istaġun tikkundanna  erba’ timijiet.

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rebħa komda kellhom, Gżira United dan hekk kif huma għelbu lil Mosta bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Rebħa li tellgħet lill-Maroons fis-7 post tal-klassifika. Aldama kien strumentali għalihom fejn kellu partita tajba u skorja tnejn mit-tlett gowls tagħhom. Wieħed stenna xi ħaġa aktar minn Mosta f’konfront bejn żewġ timijiet li kienu tant viċin xulxin fil-klassifika. Mosta u Gżira kienu ġejjin minn żewġ riżultati ta’ draw kontra Ħamrun Spartans u Valletta rispettivament. Fil-logħba li jmiss Mosta jittamaw li jirritornaw għar-rebħ hekk kif huma jsibu quddiemhom lit-tim tal-qiegħ Mosta. Kompitu xi ftit aktar diffiċli għal Gżira li jridu jeħduha ma’ Marsaxlokk.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Naxxar Lions ħasdu lil Birkirkara hekk kif huma kisbu rebħa bl-iskor ta’ 2-0 biex b’dawn it-tlett punti issa jinsabu fis-sitt post tal-klassifika. Tim li minn logħba għall-oħra qed ikompli jitjieb. Kienet rebħa meritata fejn il-Lions kienu aktar letali u sabu x-xibka fil-mumenti kruċjali tal-partita. Għal Birkirkara din it-telfa tfisser daqqa oħra l-isfel wara li tant deher ottimiżmu fil-bidu tal-istaġun fejn konsegwenza ta’ dan ir-riżultat kellna r-riżenja ta’ Giovanni Tedesco eżatt wara l-logħba. Issa huma jinsabu fl-għaxar post tal-klassifika b’punti daqs Mosta u Balzan. Għall-Istripes din kienet ir-raba’ telfa tal-istaġun fejn żgur li jridu juru titjib fil-prestazzjonijiet tagħhom jekk iridu jispiċċaw aktar ‘il fuq fil-klassifika. Għal Naxxar il-ħolma saret issa realta’.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Santa Lucia kisbu draw drammatiku kontra Valletta fl-aħħar logħba tat-tmien ġurnata, f’logħba li r-riżultat seta’ mar kull naħa. Valletta ħasbu li kienu ser jiksbu tlett punti ferm importanti għalihom biex jinqalgħu mill-pożizzjoni xejn sabiħa li jinsabu fiha iżda dan ma’ kellux ikun għaliex Matias Ellul kiseb il-gowl tad-draw fl-aħħar azzjoni tal-partita. Mill-banda l-oħra għal Santa Lucia tibqa’ ma tasalx l-ewwel rebħa tal-istagun bħalma huwa l-każ ta’ Gudja United u Sirens. Għal Valletta jkompli d-diżappunt ta’ nuqqas ta’ riżultati pożittivi li qed ifissru pożiżżjoni xejn komda fil-klassifika. Żgur li huma xtaqu rebħa morali lejlet id-derby li għandhom nhar il-Ħadd li ġej kontra Floriana.

(Ritratt: Trevor Sollars)

INNUTAJNA

LI    l-maltemp li ħakem lil pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa ħalla l-marka anki fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Dan hekk kif wieħed mill-arbli li kellu l-bandiera ta’ Sliema Wanderers inqasam. Barra minn hekk anki l-bandiera ta’ Floriana spiċċat mar-riħ hekk kif inqalgħet minn maċ-ċima tal-arblu.

(Ritratt: Joseph Galea)

LI  kowċ ieħor spiċċa mit-tmexxija hekk kif Giovanni Tedesco tefa’ r-riżenja tiegħu minn kowċ ta’ Birkirkara, liema riżenja kienet aċċettata mmedjatament mill-amministrazzjoni tal-Istripes. Dan seħħ immedjatament wara t-telfa kontra Naxxar Lions. Taħt Tedesco l-Istripes l-istaġun li għadda spiċċaw fit-tieni post tal-klassifika kif ukoll rebħu l-Izibet FA Trophy u rritornaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej.