Internazzjonali

AWSTRALJA: Se tkun projbita l-importazzjoni ta’ single-use vapes minn Jannar li ġej

Liġi ġdida li daħlet fl-Awstralja se tkun qed tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ vapes li jintużaw darba u jintremew. Dan se jidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej bl-iskop li jinqata’ l-vizzju tan-nikotina fit-tfal.

Din il-liġi se tkun qed twaqqaf l-importazzjoni, ir-reklamar u l-produzzjoni ta’ dawn il-vapes fl-Awstralja kollha.

Il-vapes bdew jiġi reklamati bħala mezz biex wieħed jeqred il-vizzju tas-sigaretti iżda l-Ministru tas-Saħħa fl-Awstralja qal li minflok dawn wasslu biex ikollna ġenerazzjoni li qed tiddependi fuq in-nikotina.

Fl-Awstralja kien hemm diġa’ liġi dwarhom li kienet daħlet fis-seħħ mill-2021 fejn tgħid li wieħed ma jistax jixtri jew jimporta vapes tan-nikotina mingħajr il-preskrizzjoni tat-tabib, iżda jidher li din il-liġi m’għamlitx wisq effett hekk kif il-vizzju fost in-nies kompla jiżdied.