Sport Sport Ieħor

Darts: Rebħa kbira għal Żejtun Laċċi Gold

Żejtun Laċċi Gold Lady kisbu l-akbar rebħa tal-ġurnata fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts meta għelbu lil Sliema Club Lounge A 8-0.

Żejtun iddominaw għal kollox din il-logħba bi Sliema rari jwettqu reazzjoni.

B’din ir-rebħa Żejtun telgħu fir-raba’ post tal-klassifika, erba’ punti wara l-leaders Tim A Floriana Premier Cars li komplew bi-serje pożittiva meta għelbu 7-1 lil Tim B Ħamrun Bayern.

Tim A Ħamrun Bayern rebħu l-isfida diretta kontra Birżebbuġa Lions 5-3 sabiex laħquhom fil-klassifika b’għaxar punti filwaqt li PO’s Bar kisbu l-ewwel punt tal-istaġun wara draw ta’ 4-4 kontra Floriana Ajax MCP.

Fil-Kampjonat tat-tieni diviżjoni, Domus Men għadhom fl-ewwel post tal-klassifika minkejja li batew aktar milli suppost sabiex jegħlbu lil Żebbuġ Rangers FC 5-3.