Stanley Zammit, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit sostna fil-parlament li f’diversi setturi, il-gvern Laburista hu wieħed inġust ma’ Malta.
Il-mudell ekonomiku tal-Gvern wasal biex id-densità ta’ Malta taqbeż l-1,700 persuna kull kilometru kwadru; 15-il darba dik tal-medja Ewropea. L-effetti negattivi ta’ din id-densità jarhom u jmisshom kulħadd; għalhekk il-gvern inġust ma’ Malta.
Hu qal li d-djar ċkienu, huma ta’ kwalità inferjuri u bi prezz ogħli ħafna, it-toroq fgaw, l-arja tqalet, il-bajjiet saru żgħar, il-bliet u l-irħula m’għadhomx jingharfu u l-infrastrutturi xpakkaw.
Il-hvern huwa inġust ma’ Malta għaliex ma jafx, jew ma jridx jgħid, fejn irid jieħu lill-pajjiż f’termini ta’ kwalità tal-ħajja. Sal-llum għad studju dwar kemm kemm nifilħu żvilupp u x’tip ta’ żvilupp għandna bżonn.
Il-gvern huwa ingust għaliex warrab l-ippjanar, iffoka biss fuq l-ekonomija u injora l-kwalità tal-ħajja. Il-gvern waqqaf il-proċess tal-ippjanar tal-iżvilupp u bidel l-Awtorità tal-Ippjanar fid-Dipartiment tal-Permessi.
Id-demografija, l-ambjent, l-ekonomija u l-ħajja soċjali inbidlu drastikament minn mindu saru l-pjani lokali. Id-densità ta’ pajjiżna żdiedet b’aktar minn terz; minn 1,284 persuna kull kilometru kwadru fl-2006 għal 1,720 fl-2022.
Hu qal li l-gvern huwa inġust ma’ Malta għaliex iffriża r-reviżjoni u t-tibdil tal-ippjanar u l-policies. Bħal fil-budgets preċedenti, reġa’ intqal li l-Istrategic Plan for the Environment and Development (SPED) se jitlesta s-sena d-dieħla. Dan id-dewmien esaġerat ġej kemm min-nuqqas ta’ rieda politika kif ukoll minn nuqqas serju ta’ ippjanar.
Il-PN ilu snin jinsisti li l-gvern ifassal pjan strateġiku ħolistiku għall-ambjent u l-iżvilupp u jirrevedi l-pjani lokali u Development Control Design Policy, Guidance and Standards, inkluż l-Annex 2.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern hu inġust ma’ Malta għaliex minflok għażel li jagħmel ippjanar bil-biċċiet fejn il-policy tkun injorata jew interpretata b’mod ħażin, kif ikkonfermat kemm-il darba l-qorti.
Il-Gozo Business Chamber irrefera għal żvilupp ta’ appartamenti żgħar ikkoncentrati fi proġetti massivi f’kommunitajiet li ma jifilħux dan it-tip ta’ żvilupp. Ħares lejn ix-Xlendi, lejn il-Manikata, lejn iż-Żurrieq, lejn l-Imqabba, lejn Ħal Safi u lokalitajiet oħra. Fejn baqa’ jingħaraf? Issa il-gvern se jibda jħares l-istreetscapes u se jibda jaħdem fuq ir-reviżjoni ta’ policies marbuta mal-estetika. Gvern inġust ma Malta għax ċaħħadna minn Awtorità li tippjana.
Stanley Zammit qal li jekk verament irid ikun ġust ma’ Malta, il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jġorr ir-responsabilità tiegħu, jieqaf iwaħħal fid-difetti fil-pjani lokali u tal-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni ta’ 17-il sena ilu, jieqaf jinħeba wara awtorità bla riżorsi u jarmha kif meħtieġ, jammetti li ġab konfużjoni bil-policies ambigwi u kontradittorji li intoduċa u jibda minnufih proċess biex jiġu riveduti kif meħtieġ il-pjanijiet lokali u il-policies, inkluż id-DC15 u l-Annex 2.
F’kelma waħda jagħmel dak li suppost kellu jagħmel fl-aħħar 10 snin.
Il-gvern hu inġust ma’ Malta għaliex minflok ma jidditermina x’tip ta’ żvilupp għandu jsir fiz-żoni razzjonalizzati, qed jissieħeb mal-iżviluppaturi biex jippjanaw huma dawn l-artijiet, kif jaqbel lilhom. Il-gvern hu inġust ma’ Malta għaliex naqas li jwettaq dak li wiegħed u għax minkejja li wiegħed li se jassigura li ż-żoni ta’ konservazzjoni urbana (UCA) jkunu definiti b’mod irrevokabbli u li ser jintroduċi buffer zone biex ikun hemm bidla gradwali fl-estetika, għadu ma sar xejn.
Il-Gvern Laburista hu inġust ma’ Malta għaliex iddegrada lill-ERA u lill-SCH u ħoloq dipartiment tal-permessi arroganti li jikser il-liġi, jinjora l-Uffiċju tal-Ombudsman u awtoritajiet oħra u jmur kontra l-pariri tal-esperti tiegħu stess. Il-pool tal-Ministru Ian Borg huwa każ klassiku; tal-Ġgantija ieħor.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern hu inġust ma’ Malta, ma’ Jean Paul Sofia u mal-familja tiegħu għaliex irrifjuta t-talba tal-familjari ta’ Jean Paul Sofia u ivvota kontra x-xewqa tagħhom u ta’ dawk kollha ta’ rieda tajba. Il-Prim Ministru Robert Abela kien inġust meta ħela disa’ xhur jirsisti biex l-inkjesta pubblika ma ssirx.
Il-Ministru tal-Ippjanar u l-Kostruzzjoni kien ingust ghaliex baqa’ sieket; illum nafu għaliex!
Il-PN kien ġust ma’ Malta għax ridna li jiġu determinati n-nuqqasijiet fis-sistemi spezzati u sparpaljati fil-qasam tal-kostruzzjoni. Bħal ma ġara wara t-traġedja ta’ Miriam Pace, il-gvern iħalli r-rakkomandazzjonijiet kostruttivi fuq l-ixkaffa u għalhekk se jibqa’ jkun hawn lapazzar, tnikkir, tibdliet nofs kedda u bis-sulluzzu, iżjed spejjeż u aktar ħela ta’ ħin u iżjed vittmi tas-sagrifiċċju.
Il-PN u oħrajn ilhom snin jinsistu li l-kuntratturi għandhom jiġu liċenzjati.
Hu qal li l-Gvern kien inġust ma’ Malta għaliex beda dan il-proċess wara snin sħaħ jitnikker, fejn is-settur tħalla għal riħu u b’min hu l-aktar b’saħħtu jħawwel u wara numru ta’ inċidenti anke fatali.
Stanley Zammit qal li l-PN hu ġust ma’ Malta għaliex wara djalogu mal-partijiet interessati, ressaq numru ta’ emendi biex il-proċess tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi jitwessa’, ikun aktar ħolistiku, jgħolli l-istandards, itejjeb il-governanza u jżid is-serħan tal-moħħ ta’ dawk kollha involuti fis-settur tal-kostruzzjoni, inkluż terzi, u jikkontribwixxi fil-prattika għal ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-PN huwa ġust ma’ Malta u mas-settur għaliex ilu jinsisti illi is-sistema tal-iskills card ma tibqax fuq il-karta.
Hu komla li l-Gvern Laburista huwa inġust għaliex anke fl-implimentazzjoni tan-national building codes qed ikaxxkar saqajh. Il-Kamra tal-Periti qabdet u bdiet tagħmilhom hi.
Il-Gvern Laburista hu inġust ma’ Malta għaliex bil-mudell ekonomiku tiegħu ibbażat fuq il-kwantità faqa’ l-pajjiż, naqas li jippjana l-iżvilupp u wisq anqas l-ambjent u wara ħafna tlajjar jirregola b’regolamentazzjoni bil-biċċiet u nofs kedda.
Il-Partit Nazzjonalista huwa ġust ma’ Malta għaliex impenjat li nibnu mill-ġdid ekonomija b’saħħitha bbażata fuq l-integrità, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà waqt li jnaqqas id-dipendenza fuq iż-żieda bla pjan tal-popolazzjoni u dan ukoll permezz ta’ Ippjanar, regolamentazzjoni u sistemi ta’ incentivi serji, cari, trasparenti u kontaabbli li jieħdu ħsieb u jippromwovu l-aspett ambjentali, soċjali, kulturali u ta’ governanza tajba, jagħtu ċ-ċertezza, is-sigurtà u s-serħan tal-moħħ u jwasslu għal żvilupp vera sostenibbli u ghal kwalità ta’ ħajja ahjar f’pajjiżna.