Lokali Parlament

Il-Gvern jipponta s-swaba għall-kollass tas-sistema edukattiva li ġab hu stess

Il-Gvern jammetti li l-kollass tas-sistema edukattiva ħoloqha hu stess.

Fil-Parlament, fid-diskors tiegħu dwar l-Estimi tal-Ministeru tal-Finanzi, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana sostna li l-problemi kbar fis-sistema edukattiva Maltija, li huwa ddeskriva bħala ‘fqira’, huma tort taż-żieda qawwija fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Ironikament l-arkitett wara ż-żieda fil-popolazzjoni kien l-istess Ministru, u llum nafu li din id-deċiżjoni qed tħalli impatt sever fuq pajjiżna.

Kien il-Gvern Laburista li b’mod insistenti żied l-ammont ta’ ħaddiema barranin b’ħafna minnhom jaħdmu bil-prekarjat. Clyde Caruana stess kien jiftaħar li dawn il-barranin “għad iridu jħallsu l-pensjonijiet tagħna”.

Issa, fil-Parlament, l-istess Caruana, affaċċjat bi statistika li turi li kważi nofs il-Maltin m’għandhomx edukazzjoni terzjarja, u proprju fil-ġurnata fejn l-edukaturi ħarġu fuq strike għaliex il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u ma jridx iżidilhom is-salarju bħalma wegħedhom, qed jipponta sebgħu lejn il-politika tiegħu stess li  fi kliemu hija l-problema, għaliex Malta għandha livell edukattiv fqir.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jgħolli l-livell edukattiv f’pajjiżna u li jkabbar l-ekonomija bbażata fuq xogħlijiet ta’ kwalità.