Lokali Parlament

Il-gvern m’għandux jibża’ jieħu azzjoni kontra min jabbuża fil-kostruzzjoni


David Agius, PN


Fil-parlament id-Deputat Nazzjonalista David Agius appella lill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi biex ma jiddejjaqx jieħu azzjoni kontra min jabbuża fl-industrija tal-kostruzzjoni.


David Agius qal li m’hemmx dubju, li għal dawn l-aħħar 10 snin is-settur tal-Bini u Kostruzzjoni kompla jikber bla rażan u li din l-espansjoni eċċessiva ġabet magħha sfidi serji fl-ibliet u l-irħula Maltin, fejn għal bosta xhur, jekk mhux snin, familji sħaħ kellhom iġarrbu fis-skiet, inkonvenjenzi, nkwiet u tbatijiet.


Saħansitra, minflok dan il-gvern ra kif għamel biex jikkontrolla u jirregola settur dejjem iżjed emerġenti, illaxka kompletament, u kkontribwixxa bil-kbir sabiex tinħoloq klima perikoluża ta’ min hu l-aqwa jħawwel.
Il-gvern ta lok għar-regħba u tkattir ta’ standards baxxi f’dan is-settur, a skapitu ta’ ħajjiet li ntilfu ntortament, fosthom, il-ħajjiet ta’ Miriam Pace u ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.


Hu qal li mhux ta’ b’xejn li l-grupp parlamentari ġie manipulat mill-klikka ta’ ġewwa nett biex jivvota kontra li ssir inkjesta pubblika, fejn din il-klikka ħadmet qatigħ biex kollox jibqa’ mistur u tara lid-dnubiet ta’ dan il-gvern jindifnu flimkien mal-għżiżi Jean Paul.


L-aktar ħaġa konsistenti li ħarġet minn din l-inkjesta pubblika wara x-xhieda li ngħatat minn diversi esperti u professjonisti hi hi li dan hu settur mitluq għar-riħu; ddominat mil-liġi tal-cowboys u li saħansitra dan il-gvern naqas milli jirregolah meta kellu l-għodda biex jagħmel dan. Il-poplu sar jaf ukoll li kien propju l-Ministru Zrinzo Azzopardi li skarta din l-opportunità tad-deheb, wara li ma tax fiduċja fix-xogħol tajjeb ħafna li kien sar minn tim ta’ professjonisti.


Il-gvern skarta l-opportunità li jibda jintroduċi l-Building Codes, sostna David Agius, li staqsa, għaliex għamel dan il-ministru responsabbli.


Mill-inkjesta ħareġ ukoll bl-aktar mod konsistenti, li minkejja hawn bosta awtoritajiet fiċ-ċirkolazzjoni, donnu ħadd minn dawn l-awtoritajiet ma kellu r-responsabbiltà li jissorvelja l-bini tal-fabbrika f’Kordin li kkollassat, ħasdet il-ħajja ta’ żagħżugħ Malti u darbet serjament ħaddiema barranin oħra li kienu fuq il-post tax-xogħol.


David Agius staqsa x’inhu l-irwol tal-Building & Construction Authority jekk mhux dak li jħares is-siti ta’ kostruzzjoni kollha mingħajr distinzjoni, kif qal wieħed mill-professjonist waqt ix-xhieda tiegħu. Dan kien il-ħsieb u l-iskop ta’ Awtorità li tħares il-Bini u Kostruzzjoni, iżda jekk il-pajjiż ma jkollux Building Codes xi jsegwi din tkun qiegħda hemm għal xejn.


Hekk irriżulta minn din l-inkjesta; li l-Awtorità li suppost tħares il-Bini u Kostruzzjoni f’pajjiżna, jiġifieri l-BCA, ħaslet idejha dwar fatalità li seħħet meta kkollassa bini fi ftit sekondi.


Is-CEO tal-BCA saħaq li l-moniteraġġ ta’ dan is-sit traġiku ma kienx kompitu ta’ din l-Awtorità, iżda jibqa’ l-fatt li ħadd ma jaf ta’ min kien dan il-kompitu jekk mhux ta’ din l-Awtorità li isimha jixhed li hi responsabbli mill-Bini u Kostruzzjoni.


Saħansitra, professjonist xehed u qal ukoll li s-CEO attwali kien joħodha bi kbira meta jitressaq quddiemu xi forma ta’ regolamentazzjoni u kien jibda jisħaq biex ma jivvintawx għax il-kuntratturi għandhom biżżejjed fuq il-platt; sitwazzjoni li ma titwemminx.


Il-ministru responsabbli gġandu jkun jaf li għandu min qed jabbuża minn fondi pubbliċi fl-Awtorità, bil-kompliċità ta’ min qiegħed fit-tmexxija tal-BCA.


Hemm min qiegħed fit-tmun ta’ din l-Awtorità fejn l-ewwel kien jieħu Direct Orders mis-CEO ta’ qabel, imagbħad ġie impjegat full-time mingħajr sejħa pubblika u li fl-aħħar ġurnata tax-xogħol tal-istess CEO ta’ qabel, dan ingħata żieda ta’ €10,000 fid-dħul tiegħu, biex minn €80,000 jibda jdaħħal €90,000.


Dan għadu jgawdi minn din iż-żieda, anki jekk il-ministru jaf tajjeb li din mhux ġustifikata u ma hemmx l-approvazzjoni tal-Bord, tal-istess BCA, tas-Segretarju Permanenti u lanqas tal-Industrial Relations Unit fi ħdan l-OPM.


David Agius staqsa jekk hux se tiftaħ investigazzjoni. Lil min qed jipproteġi l-gvern? Lil min qed igawdi minn dan is-serq, jew lil min awtorizza dan is-serq?


David Agius staqsa lill-ministru dwar x’se jagħmel dwar l-abbuż l-ieħor fejn żewġ ħaddiema ġew preferuti minn ħafna oħrajn minn wara l-kwinti biex jibdew jieħdu allowance ivvintat minn uffiċjal għoli fi ħdan l-Awtorità.


Il-ministru responsabbli jaf sew min hi din il-persuna u li dwarha kien hemm rapporti mit-Taqsima tal-Finanzi u minflok ħadu azzjoni kontra din il-persuna li kienet qed tabbuża, tneħħiet ‘l barra l-persuna li għamlet ir-rapport, biex il-Finanzi għaddew f’idejn din l-istess persuna li abbużat mill-pożizzjoni tagħha.


Id-deputat Nazzjonalista qal l-ministru għandu jgħid min huma l-konsulenti tal-BCA li qed igawdu minn direct orders. L-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni saret Awtorità tal-abbużi minn fondi pubbliċi.


Hu staqsa min qed jagħmel ir-reviżjoni tal-method statements, kemm ilhom għaddejjin id-direct orders tal-method statements u kemm dawn qed jiswewh lill-poplu. Dan minflok tinħareġ sejħa pubblika u trasparenti ħalli jkun hemm kompetizzjoni b’saħħitha.